Lokali

FILMAT: “Ma nixtieqx nagħti ċ-ċifra” – dwar kemm tilfet flus l-AirMalta minn titjiriet ikkanċellati jew ittardjati

Jgħid li l-informazzjoni hija kummerċjalment sensittiva

Iċ-Chairman tal-AirMalta Charles Mangion ma riedx jiżvela kemm swew flus it-titjiriet kollha li fl-aħħar ġimgħat ġew ikkanċellati jew ittardjati.

Charles Mangion kien qed iwieġeb mistoqsijiet ta’ NET News f’press briefing li matulu ngħataw dettalji dwar inizjattiva li se tkun qed tiġi żvelata minn hawn u ftit ieħor.

Quddiem lista ta’ titjiriet li ġew ikkanċellati jew ittardjati bejn Ġunju u issa, iċ-Chairman tal-linja nazzjonali tal-ajru qal li ċ-ċifra dwar kemm dan kollu sewa lill-Air Malta hija kummerċjalment sensittiva, u għaldaqstant jippreferi jekk ma jgħidx.

Madanakollu kkonferma li kien hemm spiża li kellha tintefaq. “Kien hemm ‘cost’ għal dawk id-disruptions, u naħseb li huma ta’ natura kummerċjali u dak ta’ natura kummerċjali ma nieħux gost (illi ngħid),” qal Charles Mangion.

Dwar ikkanċellar u ttardjar, Mangion iqabbel lill-AirMalta ma’ linji low-cost u jgħid li dawn huma affarijiet li jiġru

Iċ-Chairman tal-AirMalta kien mistoqsi għaliex qed ikollna dawn il-każijiet kollha ta’ kkanċellar u ttardjar ta’ titjiriet, u jekk is-sitwazzjoni hix mistennija li tinbidel.

Biex jiġġustifika din is-sitwazzjoni, Charles Mangion qabbel lill-AirMalta ma’ linji tal-ajru low-cost – bħall-EasyJet u r-Ryanair – meta qal li anke dawn ikollhom każijiet ta’ titjiriet ikkanċellati jew li jittardjaw.

U filwaqt li żied li din “mhix skuża”, saħaq li “it happens to all industry” fejn tal-AirMalta joħorġu aktar fil-beraħ.