L-MEP Francis Zammit Dimech ingħata l-kompitu li jservi bħala l-MEP tal-Grupp tal-PPE responsabbli għal Brexit fil-Kumitat għall-Affarijiet Legali. Huwa se jaħdem mill-qrib mal-Membru Parlamentari Elmar Brok, il-kelliem tal-Grupp tal-PPE dwar il-Brexit u membru tal-Grupp ta’ Tmexxija dwar Brexit tal-Parlament Ewropew.
F’reazzjoni għal din il-ħatra, Zammit Dimech qal li se ssegwi mill-qrib l-iżviluppi dwar Brexit speċjalment kif dan jaffettwaw liċ-ċittadini Maltin, inkluż in-negozji, l-istudenti li qed jistudjaw barra u dawk li jaħdmu fir-Renju Unit. Hu qal li r-riżenji riċenti minn karigi għolja fir-Renju Unit jikkonfermaw li d-diversi wegħdi li saru minn dawk li kkampanjaw favur Brexit ma jistgħux jintlaħqu, u li ċ-ċittadini tar-Renju Unit ġew imqarrqa. Fi kwalunkwe każ, hu saħaq li wara Brexit, il-kollaborazzjoni bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea għandha tibqa fis-seħħ, u dan jiddependi min-negozjati li għaddejjin bħalissa biex tiġi stabbiliti r-relazzjoni bejn iż-żewġ naħat. Dawn in-negozjati jridu jingħalqu ferm qabel Marzu 2019, meta r-Renju Unit ma tibqax ikkunsidrata bħala membru tal-UE.
Aktar kmieni l-ġimgħa li għaddiet, l-MEP Elmar Brok u l-MEP Zammit Dimech kellhom sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet dwar Brexit ma’ studenti Maltin fi Strasburgu. Brok insista li nistgħu nindirizzaw u ngħelbu l-isfidi internazzjonali ta’ bħalissa jekk il-pajjiżi Ewropej jingħaqdu flimkien. Elmar Brok u Francis Zammit Dimech semmew il-ħbiberija twila bejniethom li tmur lura għal meta t-tnejn kienu attivi fil-movimenti taż-żgħażagħ tal-partiti rispettivi tagħhom, u ħadmu flimkien bħala uffiċjali fid-DEMYC li għaqdet flimkien l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ demokristjani u konservattivi. Francis Zammit Dimech kien ħa sehem f’wieħed mill-ewwel laqgħat tal-kampanja ta’ Brok biex sar Membru tal-Parlament Ewropew, u Brok żar Malta diversi drabi biex ħa sehem f’attivitajiet organizzati mill-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>