Internazzjonali

Fit-Tajlandja: Illum se jinħarġu l-aħħar 4 tfal mill-għerien, il-kowċ se jinħareġ l-aħħar

Illum mistennija ssir l-aħħar ħidma ta' salvataġġ fl-għerien

Bugħaddasa li niżlu fl-għerien mgħarrqa fit-Tajlandja komplew bil-ħidma ta’ salvataġġ biex isalvaw l-aħħar erba’ subien li huma maqbuda flimkien mal-kowċ tal-futbol tagħhom. Illum mistennija li ssir l-aħħar missjoni ta’ salvataġġ fl-għerien.

Dsatax-il bugħaddas daħlu fl-għerien għall-ħabta tal-10 ta’ filgħodu ħin tat-Tajlandja, fejn bdew jidħlu fil-fond fil-livelli tal-għerien sabiex joħorġu l-ħames persuni tat-tim tal-futbol Wild Boar. Hu pjanat li l-persuni maqbuda jinħarġu kollha sal-lum.

Minn total ta’ tnax-il tifel li kienu maqbuda, diġa’ nħarġu tmienja – fejn bħalissa jinsabu rikoverati fl-isptar wara li nħarġu fl-ewwel jumejn tal-ħidma ta’ salvataġġ. Skont rapporti fil-media, jidher li t-tfal rikoverati jinsabu f’kundizzjoni stabbli ta’ saħħa.

It-tfal flimkien mal-kowċ tagħhom kienu qegħdin fl-għerien waqt attivita’ organizzata bejniethom nhar it-23 ta’ Ġunju, meta nqabdu fl-għerien minħabba x-xita qawwija li tinżel f’dan iż-żmien tas-sena. Huma nstabu nhar it-2 ta’ Lulju, u minn dakinhar bdiet il-ħidma biex ikunu jistgħu jinħarġu. Il-ħidma ta’ salvataġġ ikkumplikat ruħha u kellha ssir aktar malajr hekk kif ġie previst aktar maltemp li seta jwassal biex l-ilmijiet fl-għerien ikomplu jitilgħu.