Festi Knisja

Il-festa tal-Maddalena fil-kappella fuq l-irdum ta’ Ħad-Dingli

Fl-imgħoddi il-kappella kienet punt ta’ referenza għas-sajjieda u dawk li kienu qed ibaħħru fil-lbiċ ta’ Malta

Il-Parroċċa Santa Marija ta’ Ħad-Dingli se torganizza l-festa ta’ Santa Marija Maddalena fil-kappella ddedikata lil din il-qaddisa fuq l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli (ħdejn ir-radar). Il-festa se tiġi ċċelebrata nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Lulju.

Fit-7.30pm tiġi ċċelebrata quddiesa fuq iz-zuntier tal-kappella mill-Arċisoqf ta’ Malta, Monsinjur Charles J. Scicluna.

Wara l-quddiesa ssegwi attivita` soċjali waqt li wieħed ikun jista’ jgawdi nżul ix-xemx u s-sbuħija ta’ dawn l-inħawi pittoreski.

Il-kappella ta’ Santa Marija Maddalena tinsab f’xifer l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli, f’wieħed mill-inħawi l-aktar pittoreski tal-gżejjer Maltin. Il-kappella kif inhi llum reġgħet inbniet mill-ġdid fl-1646.

Il-kappella hi proprjeta’ tal-Parroċċa ta’ Ħad-Dingli u għal bosta snin qdiet il-ħtiġijiet spiritwali tal-bdiewa u familji li kienu jgħixu l-irdum jew fil-qrib. Dokumentazzjoni storika ssemmi drawwa li
ħafna jmorru jinvistawha nhar Ħadd il-Passjoni u kien hemm ukoll id-devozzjoni li kull nhar ta’ Sibt u lejliet kull festa jinxtegħel lampier biż-żejt.

Fl-imgħoddi kienet ukoll punt ta’ referenza għas-sajjieda u dawk li kienu qed ibaħħru fil-lbiċ ta’ Malta. Il-kwadru titulari li juri l-laqgħa ta’ Marija Maddalena ma’ Kristu Rxoxt sar mill-Kavallier
Pawlu Camilleri Cauchi fl-2007.

Il-festa tal-kappella tiġi ċċelebrata f’Lulju, meta l-Knisj tiċċelebra l-festa liturġika ta’ Marija Maddalena. Dakinhar filgħaxija skont tradizzjoni li tmur lura għexieren ta’ snin, wara l-quddiesa tinħaraq ħuggiega u tkun organizzata attivita’ soċjali.

L-inħawi tal-kappella ta’ Santa Marija Maddalena huma popolari ferm mal-Maltin u t-turisti li jieqfu hawnhekk igawdu l-ambjent rurali ta’ l-inħawi, is-seħer ta’ l-irdumijiet u x-xeni mill-isbaħ l-aktar fi nżul ix-xemx.