Internazzjonali

It-Turkija: Tħassib dwar element qawwi ta’ nepotiżmu fil-Gvern

Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, ħatar lill-ibnu tar-rispett bħala Ministru tal-Finanzi fost era ġdida ta’ poter għall-ħames snin li jmiss. Intant, kien hemm mal-ewwel indikazzjonijiet ta’ theżżiża fis-swieq mal-konferma tal-ħatra ta’ Berat Albayrak, fost tħassib dwar element qawwi ta’ nepotiżmu fl-ogħla livelli tal-amministrazzjoni.

Albayrak, li hu miżżewweġ lit-tifla l-kbira ta’ Erdogan, kien il-Ministru għall-Enerġija mill-2015, iżda l-promozzjoni tiegħu għal din il-kariga ħalliet lil ħafna osservaturi preokkupati, bil-lira Torka ( dritt wara l-aħbar) titlef akar minn tlieta fil-mija tal-valur.

Erdogan, nhar it-Tnejn, ħa l-ġurament bħala President eżekuttiv fejn se jkollu poteri ferm akbar minn qabel, u meta ‘se juża dawn il-poteri biex imexxi pajjiżu ‘il quddiem’.

Iżda l-avversarji ta’ Erdogan qed jibżgħu li l-President, b’dan ir-rwol ġdid, se jasal biex jeqred id-demokrazija fit-Turkija.

It-Turkija tallum imxiet ‘il hinn minn sistema parlamentari u l-uffiċċju ta’ Prim Ministru li kienu ilhom stabbiliti mit-twaqqif, 95 sena ilu, tar-Repubblika Torka moderna. Intant, Erdogan, issa, jista’ jaħtar hu il-Ministri tal-Kabinett waqt li jista’ ukoll jintervjeni fis-sistema legali tat-Turkija.