Internazzjonali

Jiltaqa’ l-Kabinett ta’ May fost it-taqlib tal-Brexit

Il-Kabinett tal-Prim Ministru Britanniku, Theresa May, iltaqa’ għall-ewwel darba wara l-aħħar riżenji sinifikanti relatati għall-istrateġija tal-Brexit li daħħlet lill-Gvern tar-Renju Unit fi kriżi ġdida.

May, intant, kellha twettaq reshuffle f’dan il-Kabinett wara r-riżenji – sigħat ‘il bogħod minn xulxin – tas-Segretarju għall-Brexit, David Davis, u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Boris Johnson.

Il-Prim Ministru wissiet li l-Partit Konservattiv fil-Gvern jeħtieġ li jikkonsolida l-għaqda interna biex jevita l-prospett li t-tmexxija tal-pajjiż tgħaddi f’idejn il-Partit Laburista ta’ Jeremy Corbyn, fl-Oppożizzjoni.

Sadanittant, il-Ministru ġdid għall-Affarijiet Barranin, Jeremy Hunt (li laħaq minflok Johnson), impenja ruħu biex jappoġġja lil May ‘mija-fil-mija’ u, mal-konklużjoni tal-laqgħa tal-Kabinett, il-Prim Ministru bagħtet messaġġ fis-sens li hi ‘qed tħares ‘il quddiem lejn ġimgħa impenjattiva’.

Wara l-aħħar taqlib fil-Kabinett kien ikkonfermat li Dominic Raab se jkun is-Segretarji responsabbli mill-Brexit li se jkun qed imexxi n-negozjati mar-Rappreżentant tal-UE, Michel Barnier.