Lokali Qorti

Ma jwieġbu xejn dwar min se jerfa’ r-responsabbilta’

Il-Kap tal-PN ilu ġimgħa jagħmel pressjoni sabiex tintrefa' r-responsabbilta' politika

Hekk kif matul il-ġurnata tal-bieraħ kompliet l-investigazzjoni tal-Pulizija b’rabta mas-serqa ta’ nhar il-Ġimgħa mill-Uffiċċju tal-Ispettur Jonathan Ransley fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema, deputati laburisti qed jibqgħu jaħarbu d-domanda dwar min għandu jerfa’ r-responsabbilta’ għal dawn il-każi ripetuti ta’ għibien ta’ provi.

Net News saqsa din id-domanda diretta lil żewġ deputati laburisti waqt konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu. B’Rosianne Cutajar u Alex Muscat jgħidu biss li qed isiru l-investigazzjonijiet – bla ma qalu li l-investigazzjonijiet skattaw wara li l-informazzjoni ħarġet fil-media.

Illum il-ġurnal In-Nazzjon żvela kif fost l-investigaturi hemm min hu tal-fehma li dik ta’ Tas-Sliema kienet serqa ppjanata tajjeb ħafna sal-punt li min għamilha kien jaf x’irid jisraq darba jirnexxilu jiżgassa l-bieb tal-Uffiċċju tal-Ispettur Jonathan Ransley. Mill-post insterqu arloġġi, dokumenti, u anke droga.

Dan il-każ hu biss wieħed minn serje ta’ stejjer fejn kien hemm tbagħbis jew għibien ta’ provi; 3 minn dawn il-każi seħħew fil-bini tal-Qorti.

Il-Kap tal-PN Adrian delia qalu li l-ammont dejjem jiżdied ta’ dawn il-każi jkompli jqanqal tħassib u dubji serji dwar il-proċess tal-ġustizzja f’pajjiżna li diġà qala’ daqqiet kbar fl-aħħar ftit snin. Fuq Net TV, hu talab ukoll biex xi ħadd jindenja jerfa’ r-resposabbiltà għal dak li qed jiġri.