Lokali

“Meħtieġa trasparenza u dibattitu raġunat fuq l-immigrazzjoni” – PN

Immigrazzjoni bla pjan, masħuba biss biex tonfoħ it-totali ekonomiċi, jaf tkun qed tonfoħ biss bużżieqa

Illum l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-UE (Eurostat), ippubblika ċifri li juru li s-sena l-oħra, f’sena waħda biss, il-popolazzjoni ta’ Malta żdiedet bi 15,400. L-istess ċifri juru li din iż-żieda kienet kważi kollha kkawżata mill-immigrazzjoni, għax iż-żieda naturali meta tnaqqas l-imwiet mit-twelid kienet biss ta’ 700.

Fi stqarrija l-PN qal illi dawn iċ-ċifri jkomplu juru li hi meħtieġa trasparenza min-naħa tal-Gvern dwar il-politika ekonomika ta’ immigrazzjoni li imbarka fuqha. Juru li hu meħtieġ ukoll dibattitu raġunat dwar l-immigrazzjoni li jkun ibbażat fuq in-numri u fuq il-fatti ħalli pajjiżna jevita kwistjoni emottiva li ma twassal imkien.

F’ċifri li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) kien ippubblika fi Frar li għadda, kien ħareġ ċar li l-Gvern, mill-2014 sal-2016, imbarka fuq politika ta’ immigrazzjoni ta’ madwar 10,000 immigrant nett fis-sena (immigrazzjoni ta’ 17,000 li minnhom jitilqu 7,000).

Issa, iċ-ċifri tal-Eurostat għall-2017 juru li din il-politika kompliet ikkargat għal 15,000 immigrant nett is-sena l-oħra. Apparti minn dan, il-Prim Ministru nhar il-Ġimgħa kien rappurtat jgħid li f’Ġunju waħdu l-Gvern ta permess biex jaħdmu Malta 3,000 immigrant ġejjin minn barra l-UE.

Id-differenza bejn tkabbir totali u tkabbir ras għal ras

Hu minnu li immigrazzjoni qawwija tkabbar it-totali tal-ekonomija għax tkabbar il-popolazzjoni. 15,000 immigrant ifissru żieda ta’ 3.3 % fil-popolazzjoni. Jekk dawn l-immigranti jaħdmu kollha, tfisser żieda ta’ 7 % fl-ammont ta’ nies li huma attivi ekonomikament (217,000 skont l-aħħar Labour Force Survey). Dan minnu nnifsu jfisser li ras għal ras, bħala medja, l-ekonomija tagħna qed tikber b’rata ħafna anqas mit-total li jitkellem fuqu l-Gvern.

L-aħħar ċifri dwar il-Prodott Domestiku Gross juru li dan żdied b’4.4 % fl-aħħar 12-il xahar f’termini reali[5]. Imma minn din ir-rata ta’ tkabbir trid titnaqqas iż-żieda fil-popolazzjoni ekonomikament attiva biex wieħed jieħu stampa vera tat-tkabbir li qed isir ras għal ras bħala medja għal kull ħaddiem. U minn dan jirriżulta dak li qed iħossu ħafna nies: li ras għal ras, it-tkabbir hu ferm u ferm anqas minn kemm jgħid il-Gvern, proprju għax it-tkabbir ġej minn żieda fil-popolazzjoni u mhux minn żieda ras għal ras.

Fil-fatt, ċifri tal-Eurostat pubblikati f’April juru li l-pagi f’Malta s-sena l-oħra bilkemm żdiedu biex jikkumpensaw għall-għoli tal-ħajja. U s-sena ta’ qabel, il-pagi lanqas biss għolew biex ilaħħqu mqar mar-rata tal-għoli tal-ħajja[6]. Hu magħruf ekonomikament li żieda fil-forza tax-xogħol tagħmel pressjoni ‘l isfel fuq il-pagi, u dan jidher li issa qed jiġri lill-ħaddiema Maltin.

Dan joħroġ ukoll minn ċifri tal-Eurostat ukoll dwar il-konsum individwali attwali f’Malta meta mqabbel mal-medja fl-UE. Meta wieħed jieħu l-konsum ta’ kull persuna fl-UE bħala medja ta’ 100, f’Malta l-konsum individwali attwali baqa’ tista’ tgħid fl-istess livell bejn l-2014 u l-2017.

F’oqsma oħrajn, iż-żieda fil-popolazzjoni titfa’ pressjoni fuq numru ta’ setturi, speċjalment f’pajjiż żgħir bħal Malta li diġà kien ibati mill-ogħla densità ta’ popolazzjoni fl-Ewropa. In-nies qed iħossu sew il-pressjoni fuq l-ambjent, fuq l-infrastruttura, fuq it-toroq, fuq it-traffiku, fuq it-trasport pubbliku u fuq il-kirjiet, fost oqsma oħrajn. Il-kirjiet tant għolew li issa qed jheddu anke industriji ġodda bħall-gaming li mhux qed isibu kirjiet raġonevoli għall-ħaddiema barranin li jġibu. Dan apparti t-theddida soċjali qawwija għall-Maltin li jiddependu fuq il-kiri għal saqaf fuq rashom.

Immigrazzjoni fl-interess nazzjonali

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-kwistjoni tal-immigrazzjoni mhijiex kwistjoni ta’ ‘jekk’ imma ta’ ‘x’tip’ u ‘kemm’. Immigrazzjoni fl-interess nazzjonali ġġib Malta barranin kapaċi li jgħallmu u jħarrġu lill-ħaddiema Maltin f’industriji ġodda u b’hekk jiżdiedu l-pagi tal-ħaddiema Maltin. Pajjiż sabiħ u miftuħ lejn l-Ewropa u d-dinja bilfors jiġbed ammonti ta’ barranin, aktar u aktar meta aħna l-Maltin nafu sewwa lingwi li jgħinu lil min jaħdem magħna.

Imma immigrazzjoni bla pjan, masħuba biss biex tonfoħ it-totali ekonomiċi, jaf tkun qed tonfoħ bżieżaq li jekk jinfaqgħu, ikun ifisser tbatija għall-barranin stess li jkunu nġabu hawn u għalina l-Maltin.

Iċ-ċifri ppubblikati llum mill-Eurostat jagħtu għalhekk okkażjoni lis-soċjetà tagħna tiddibatti b’mod raġunat, statistiku u fattwali l-politika tal-Gvern dwar l-immigrazzjoni u tħeġġeġ lill-Gvern ikun trasparenti dwar il-pjan tiegħu dwar l-immigrazzjoni. Fl-istess waqt, dan il-pjan irid jagħti kas il-konsegwenzi kollha ta’ żieda tant qawwija fl-immigrazzjoni, kif ħareġ illum fil-pubblikazzjoni tal-Eurostat.