Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Samuel Umtiti jpoġġi lit-tim Franċiż fit-tielet finali fl-istorja tagħhom

Gowl fil-bidu tat-tieni taqsima skorjat minn Samuel Umtiti kien biżżejjed biex Franza rebħet 1-0 kontra l-Belġju u issa tinsab fit-tielet finali tat-Tazza tad-Dinja fl-istorja tagħha.

Il-logħba setgħet marret kull naħa, b’saves tajbin ta’ Hugo Lloris u Courtois li żammew lit-timijiet fil-logħba u ċaħħdu milli l-logħba jkun fiha aktar gowls. Wara l-gowl, id-difiża ta’ Franza kienet diffiċli biex tippenetraha. Dan ifisser li l-ġenerazzjoni tad-deheb tal-Belġju se jkollha tilgħab is-Sibt li ġej biex tirbaħ il-midalja tal-bronż.

Blase Matuidi rritorna minn sospensjoni u ħa post Corentin Tolisso. Fuq in-naħa l-oħra, Thomas Meunier kien sospiż u floku lagħab Mousa Dembele li din id-darba lagħab fuq il-lemin.

Eden Hazard ħoloq l-ewwel periklu wara 16-il minuta b’xutt fil-baxx li għadda ftit barra. Tliet minuti wara, l-istess plejer prova b’konklużjoni insidjuża, iżda d-difensur Raphael Varane dawwar f’korner b’daqqa ta’ ras.

Il-gowlkiper Franċiż Hugo Lloris kellu jkun providenzjali biex fit-22 minuta salva xutt bix-xellug ta’ Toby Alderweireld. Franza bdew jidħlu ftit fil-logħba u fil-31 minuta, Olivier Giroud proba b’daqqa ta’ ras minn pożizzjoni diffiċli li ntemmet barra. Disa’ minuti wara, Thibaut Courtois salva tajjeb xutt ta’ Benjamin Pavard.

Franza skorjat dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa fil-51 minuta. Kien korner mil-lemin ta’ Antoine Griezmann indirizzat fil-kaxxa, daħal tajjeb SAMUEL UMTITI li b’daqqa ta’ ras b’saħħitha ħa vantaġġ u mill-ispazji li nħolqu u għeleb lil Courtois.

Ir-reazzjoni tal-Belġju waslet fil-65 minuta, bi kross mil-lemin fejn sab lil Marouane Fellaini li iżda ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tgħaddi ftit barra. Il-Belġjani bdew iżidu l-pressjoni u fil-81 minuta, Lloris reġa’ kellu jkun koċentrat biex salva tajjb xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa ta’ Axel Witsel.

It-tim ta’ Martinez lagħab kważi nofs grawnd kontra l-avversarji iżda ma sabx mod kif jiskorja. Fl-aħħar ħinijiet saħansitra kienu Franza li setgħu għalqu l-logħba. L-ewwel kien fit-93 minuta li Antoine Griezmann prova b’xutt fil-baxx li kien salvat, azzjoni li seta’ għamel aħjar.

Żewġ minuti wara, Pogba għadda tajjeb wara azzjoni personali u qassam lis-sostitut Corentin Toliss iżda minn qagħda ideali ra x-xutt tiegħu jiġi salvat mnn Courtois. Fi tmiem il-partita bdew iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Franza filwaqt li d-diżappunt fuq wiċċ il-plejers Belġjani.