Matul il-ġurnata tal-bieraħ kompliet l-investigazzjoni tal-Pulizija b’rabta mas-serqa ta’ nhar il-Ġimgħa mill-Uffiċċju tal-Ispettur Jonathan Ransley fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema li aktar dettalji dwarha kienu żvelati lbieraħ fil-ħarġa ta’ In-Nazzjon wara li kemm-il Gvern kif ukoll il-Korp tal-Pulizija baqgħu jaħbu kull informazzjoni relatata ma’ din is-serqa.
Illum dan il-ġurnal jista’ jiżvela kif fost l-investigaturi hemm min hu tal-fehma li din kienet serqa ppjanata tajjeb ħafna sal-punt li min għamilha kien jaf x’irid jisraq darba jirnexxilu jiżgassa l-bieb tal-Uffiċċju tal-Ispettur Jonathan Ransley.
Jirriżulta li l-ħalliel jew ħallelin kienu jafu b’mod preċiż liema uffiċċju fis-sular ta’ fuq tal-Għassa tal-Pulizija f’Tas-Sliema kellhom jiżgassaw. Dan minħabba li fl-istess sular hemm uffiċini u kmamar oħrajn li, iżda, baqgħu intatti.
Dan jista’ jfisser għall-investigaturi li min daħal f’dan l-Uffiċċju partikulari hu familjari miegħu fis-sens li fil-ġimgħat ta’ qabel kien imsejjaħ u interrogat mill-istess Spettur Ransley fl-istess Uffiċċju.
Hu għalhekk li l-investigaturi qed jaħdmu fuq il-linja li probabbilment min daħal u seraq minn dan l-Uffiċċju kien imsejjaħ fl-istess Uffiċċju b’rabta ma’ xi reat kriminali.
Illum In-Nazzjon jista’ jiżvela kif apparti minn dokumenti, arloġġi, xi droga u oġġetti oħrajn li nsterqu minn dan l-Uffiċċju, instabu nieqsa wkoll dokumenti soft-copy. Dawn jammontaw għal xi hard drives li nstabu neqsin.
It-teżi tal-investigaturi dwar serqa preċiża u ppjanata – jiġifieri l-ħalliel jew ħallelin kienu jafu x’qed ifittxu – tkompli tissaħħaħ bil-fatt li ċerti oġġetti oħrajn ta’ valur fl-istess Uffiċċju baqgħu intatti u ma nsterqux.
Dan jista’ jagħti l-każ ukoll li min għamel din is-serqa ried li jeqred u jikkanċella ċerti provi, evidenzi u esebiti fil-pussess tal-Pulizija biex b’hekk ma jkunux jistgħu jitressqu l-Qorti fil-konfront tal-każ tiegħu.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ din is-serqa serja qed jitmexxew mill-Assistenta Kummissarju Alexandra Mamo li kienet fdata sa min-nhar il-Ġimgħa stess biex tmexxi investigazzjoni mill-aktar serja ta’ serqa ta’ esibiti għall-Qorti li kienu qed jinżammu fl-Uffiċċju tal-Ispettur Jonathan Ransley fl-Għassa tal-Pulizija f’Tas-Sliema.
Minkejja li din is-serqa saret f’xi ħin nhar il-Ġimgħa li għadda, il-Gvern u l-Korp tal-Pulizija sa issa għadhom ma ħassewx li għandhom joħorġu xi tip ta’ stqarrija biex jiċċaraw il-fatti li jiċċirkondaw din is-serqa serja minn Għassa tal-Pulizija.
Id-dimensjoni ta’ din is-serqa tkompli ssir waħda aktar serja u gravi għall-fatt li l-ħalliel jew ħallelin li rnexxielhom jidħlu fil-binja ta’ din l-Għassa tal-Pulizija, irnexxielhom jitilgħu fis-sular ta’ fuq, jiżgassaw bieb ta’ uffiċċju u minnu jisirqu l-oġġetti li eventwalment instabu nieqsa… u dan kollu seħħ fid-dawl tax-xemx!
//= $special ?>