Lokali

Tbagħbis u għajbien ta’ provi fil-Qrati u fl-għases

·        Il-fiduċja fil-Qrati m’għandhiex titħalla titnawwar bil-korruzzjoni ta’ proċessi ġudizzjarji

·        Il-Gvern tas-suppost accountability irid jerfa’ r-responsabbiltà għad-diversi każi ta’ tbagħbis ta’ provi flok jinqeda b’żewġ backbenchers

 

F’dawn l-aħħar jumejn ħarġu l-fatti dwar għajbien ta’ provi fi proċess ġudizzjarju permezz ta’ żgass fl-għassa ta’ tas-Sliema. Din il-korruzzjoni ta’ proċess ġudizzjarju tiżdied ma’ każi oħra li ħarġu f’media diversi. F’mill-anqas tliet proċessi, il-provi ġew imbagħbsa fil-Qorti. Tant hu minnu dan, li f’każ minnhom il-Gvern kellu jammetti li bdew proċeduri kontra żewġ Marixxalli tal-Qorti.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li huwa tal-mistħija kif il-Gvern Laburista – suppost Gvern tal-accountability – qed ifarfar ir-responsabbiltà u saħansitra jitfa’ jiddefenduh f’dawn il-każijiet gravi żewġ backbenchers flok il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici u l-Ministru tal-Intern Michael Farrugia li huma politikament responsabbli fis-sistema tagħna ta’ demokrazija parlamentari.

L-aktar każ riċenti ta’ għajbien ta’ provi – dak li seħħ fl-għassa ta’ Tas-Sliema permezz ta’ żgass – kien saħansitra l-istazzjon televiżiv tal-Gvern stess li rrapporta kif dokumenti u evidenza, li kellhom ikunu esibiti bħala provi f’każi fil-Qorti, insterqu fi żgass ta’ uffiċċju ta’ Spettur nhar il-Ġimgħa li għadda. Imma flok jerfa’ r-responsabbiltà quddiem reat gravi f’għassa, il-Gvern qed jgħid li l-istazzjon televiżiv tiegħu hu ta fake news.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern tas-suppost accountability għandu jwieġeb mhux b’xi żewġ backbenchers tiegħu imma bil-Ministri responsabbli għal dawn il-każijiet gravi u ripetuti li qed jiġru taħt imneħirhom, jiġifieri Owen Bonnici responsabbli għall-amministrazzjoni tal-Qrati u Michael Farrugia responsabbli għall-Pulizija.

L-iżgass u l-għajbien ta’ provi nhar il-Ġimgħa mill-għassa ta’ Tas-Sliema mħabbar mill-istazzjon televiżiv tal-Gvern hu każ ieħor fost diversi:

·        il-provi f’każ ta’ traffikar ta’ 15-il blokka raża tal-kannabis saritilhom deskrizzjoni ħażina fl-istrongroom tal-Qorti biex inħbew u għalhekk biex proċess ġudizzjarju jkun korrott;

·        il-provi f’każ ta’ traffikar ta’ 18-il kilogramma kokaina ġew imbagħbsa u allura l-proċess imnawwar tant li l-Gvern stess ammetta li kellu jibda proċeduri kontra żewġ suspettati li jaħdmu fil-qalba tal-Qorti;

·        f’każ ieħor ta’ droga – din id-darba ta’ pilloli ecstasy – il-provi ġew imbagħbsa wkoll fil-proċess tal-ġustizzja.

Il-ġustizzja tiddependi fl-aktar bażiku tagħha fuq il-provi u l-evidenza mhux imdardra. F’dawn il-każi diversi – dawk li nafu bihom s’issa – din l-evidenza ġiet korrotta fil-qalba tal-Qrati u tal-Korp tal-Pulizija.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern jeħtieġ jerfa’ r-responsabbiltà permezz tal-Ministri Owen Bonnici u Michael Farrugia.