Lokali Qorti

Tkompli l-investigazzjoni fuq il-vapur Lifeline

Dalgħodu fuq l-vapur MV Lifeline deheru esperti tal-qorti li qed ikomplu bl-investigazzjonijiet b’rabta mad-daħla ta’ dan il-vapur li fuqu kien hemm 234 immigrant irregolari.

Dan hekk kif kien mistenni li jsir l-aċċess mill-Maġistrat Joe Mifsud bħala parti mill-kumpilazzjoni li għaddej fiha l-Kap tal-MV Lifeline, Claus-Peter Reisch.

Il-kaptan Claus Peter Reisch jinsab akkużat li uża l-vapur fl-ibħra territorjali Maltin meta mhux reġistrat mal-Awtorità fir-Reġistru għall-Bastimenti Żgħar, u li għamel użu mill-vapur b’rabta kummerċjali fl-ibħra Maltin meta ma kellux liċenzja minn Transport Malta.

Hu ġie ordnat joħroġ garanzija personali ta’ €10,000 u jiffirma darba fil-ġimgħa fl-għassa ta’ Bormla.
Il-kaptan Claus Peter Reich qal li filwaqt li hu għaddej minn dawn il-proċeduri, jinsab b’kuxjenza nadifa li flimkien mat-tim tiegħu salva 234 persuna mill-għarqa. Saħaq li dwar dan m’għandu l-ebda sens ta’ ħtija.