Lokali

Xogħlijiet tat-toroq bil-lejl fil-Marsa u Santa Venera

Jekk se tuża' din ir-rotta...aħseb kmieni!

Illejla Transport Malta se tibda għadd ta’ xogħlijiet tat-toroq f’postijiet differenti matul ir-rotta arterjali bejn il-mini ta’ Santa Venera u Triq Diċembru 13, fil-Marsa.

Dawn ix-xogħlijiet, li ser ikomplu għal diversi jiem, jagħmlu parti minn tliet proġetti infrastrutturali ewlenin – it-twessigħ tal-Marsa-Ħamrun Bypass, titjib ta’ partijiet minn Triq Diċembru 13 u diversi ħoloq li jinfdu minnha u l-Marsa Junction Project, li jinkludi l-iżvilupp ta’ intersection ta’ seba’ flyovers fi Triq Aldo Moro, bejn il-Marsa u Raħal Ġdid.

Il-proġett tal-Marsa-Ħamrun Bypass

L-ewwel xogħlijiet se jibdew illejla u jkomplu lejl u nhar fil-ġranet li ġejjin. Ix-xogħlijiet jikkonsistu fi tqattigħ ta’ trinek fin-niżla (slip road) li tgħaqqad il-karreġġjata tal-Marsa-Ħamrun Bypass fid-direzzjoni lejn in-nofsinhar tal-pajjiż, mar-roundabout bejn Ħal Qormi u Santa Venera, li tinsab taħt il-flyover li tifforma parti mill-istess bypass, u Triq Ħal Qormi (fl-inħawi tal-uffiċini tal-Maltapost).

Dawn it-trinek ser jintużaw biex fihom jitpoġġew sistemi tad-distribuzzjoni tat-telekomunikazzjoni, elettriku u ilma taħt l-art, bħala parti mill-proġett ta’ €5 miljun biex jiżdiedu żewġ korsiji fil-Marsa-Ħamrun Bypass. Dawn iż-żewġ korsiji, li mistennija jitlestew u jinfetħu għall-pubbliku sal-aħħar tas-sena, ser jeliminaw numru ta’ diffikultajiet li bħalissa joħolqu dewmien fl-ivvjaġġar.

Fost oħrajn, dan il-proġett ser jelimina l-ixkiel li hemm bħalissa hekk kif toħroġ mill-mini ta’ Santa Venera fid-direzzjoni tal-Marsa, hekk kif it-triq tidjieq minn żewġ korsiji għal waħda. Din id-diffikultà ser tingħeleb permezz ta’ waħda miż-żewġ korsiji ġodda, li biha tkun tista’ tibqa’ għaddej mingħajr perikli u dewmien.

Sabiex ix-xogħol ikun jista’ jsir kif meħtieġ, din in-niżla ser ikollha tingħalaq għall-vetturi għal ftit jiem. Dawk li jivvjaġġaw minn dawn l-inħawi huma mħeġġa jużaw rotot alternattivi jew isegwu t-tabelli li tpoġġew fil-Marsa-Ħamrun Bypass biex jindikaw dawn id-devjazzjonijiet meħtieġa. Rotot tat-trasport pubbliku li jgħaddu minn din ir-rotta ser jgħaddu minn toroq oħra fil-qrib, sabiex ma jkunx hemm diffikultajiet fl-iskedi tal-karozzi tal-linja.
Proġett ta’ titjib fi Triq Diċembru 13

Fl-istess waqt, fil-jiem li ġejjin, ser ikun hemm ukoll xogħlijiet oħra bil-lejl u bi nhar, fi Triq Diċembru 13, aktar lilhinn fl-istess rotta minn u lejn in-nofsinhar tal-pajjiż. Minkejja li waqt dawn ix-xogħlijiet jeħtieġ jingħalqu xi korsiji (lanes) sabiex jiżguraw is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u tal-persuni li jivvjaġġaw fit-toroq, madankollu din it-triq ser tibqa’ miftuħa fiż-żewġ direzzjonijiet f’kull ħin. Ix-xogħlijiet li jista’ jkollhom impatt fuq l-aċċess għal din it-triq qed jiġu ppjanati li jsiru bil-lejl, biex jiġu evitati diffikultajiet fl-aktar ħinijiet li jkun hemm ivvjaġġar f’din ir-rotta.

It-telgħa b’korsija waħda li bħalissa tgħaqqad il-kareġġjata lejn it-tramuntana ta’ Triq Diċembru 13 mal-Marsa-Ħamrun Bypass se titwessa sabiex ikollha korsija oħra. Fl-istess waqt, it-telgħa li tgħaqqad il-karreġġjata ta’ Triq Diċembru 13 mal-istess Bypass ser tiġi mtejba wkoll sabiex jonqos ir-riskju ta’ aċċidenti.

Dawk kollha li jivvjaġġaw minn dawn l-inħawi huma mitluba joqogħdu aktar attenti fit-toroq fejn ikunu għaddejjin ix-xogħlijiet. Ħaddiema ta’ Transport Malta jinsabu stazzjonati f’dawn it-toroq sabiex jgħinu lil dawk li jkunu għaddejjin minnhom waqt ix-xogħlijiet.