Lokali

Żewġ inċidenti separati – sewwieq b’feriti ħfief u ieħor b’feriti gravi

Żewġ inċidenti separati f’Ħ’Attard, b’żewġ sewwieqa jittieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura u wieħed jiġi ċċertifikat li qed isofri minn feriti gravi, filwaqt li ieħor b’feriti ħfief.

L-ewwel inċident seħħ għall-ħabta ta’ 12pm fi Triq l-Għarix kantuniera ma’ Triq l-Imdina f’Ħ’Attard meta għal xi raġuni kien hemm impatt bejn trakk tal-ħaxix tat-tip Toyota Dyna u mutur tat-tip KSR Moto.

Is-sewwieq tat-trakk, raġel ta’ 38 sena residenti minn Ħaż-Żebbuġ, jidher li ma sofra l-ebda ġrieħi filwaqt li s-sewwieq tal-mutur ta’ 21 sena minn Birkirkara ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura filwaqt li qed isofri minn ġrieħi gravi.

It-tieni inċident tat-traffiku seħħ għall-ħabta ta’ 12:30pm fi Triq Pitkali hekk kif  saret ħabta bejn karozza tat-tip Mazda Demio, misjuqa minn raġel ta’ 20 sena minn Ħal Qormi, u mutur tat-tip Aprilia Atlantic, misjuq minn raġel ta’ 33 sena minn San Ġwann.

Is-sewwieq tal-mutur ittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura u ġie ċċertifikat li qed isofri minn feriti ħfief filwaqt li s-sewwieq tal-karozza ma’ kellux bżonn l-assistenza medika.