Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Mandzukic ikisser it-tama tal-Ingliżi li jaslu sal-finali wara 52 sena

Mario Mandzukic jiskorja l-gowl deċiżiv (Ritratt: EPA)

Il-Kroazja tinsab għall-ewwel darba fil-finali tat-Tazza tad-Dinja wara li għelbet lit-tim nazzjonali Ingliż 2-1 wara l-ħin barrani. B’hekk intemmet il-ħolma tat-tim Ingliż li jasal sal-finali u jirbaħ il-kompetizzjoni wara nuqas ta’ 52 sena.

Partita li fiha l-Ingilterra bdiet tajjeb, iżda fit-tieni 45 minuta l-Kroazja tjiebet u meritatament ġabet id-draw biex għat-tielet logħba konsekuttiva lagħbu l-ħin barrani. Madankollu l-Kroati dehru aktar enerġetiċi u ħadu vantaġġ minn żbalji fid-difiża Ingliża.

L-Ingliżi kellhom bidu mill-aqwa meta marru minn fuq wara sitt minuti. Kien free-kick ta’ KIERAN TRIPPIER minn pożizzjoni ċentrali, bil-plejer ta’ Tottenham jgħolli l-ballun minn fuq il-barriera u b’xutt preċiż ma ta l-ebda ċans lil Danijel Subasic isalva.

Fl-14-il minuta, daqqa ta’ ras ta’ Harry Maguire għaddiet ftit barra wara azzjoni ta’ korner. Il-Kroazja ħolqot l-ewwel tentattiv serju ħames minuti wara b’Ivan Perisic jiġbed għan-nofs iżda x-xutt fil-baxx tiegħu għadda ftit barra.

Ċans tad-deheb għat-tim Ingliż man-nofs siegħa logħob meta Harry Kane għeleb in-nasba tal-offside iżda waħdu ma’ Subasic ixxuttja fjakk u l-gowlkiper Kroat salva x-xutt fil-baxx. Żewġ minuti wara, xutt ta’ Ante Rebic kien salvat minn Pickford.

L-Ingilterra kellha ċans ieħor tajjeb fis-36 minuta. Jesse Lingard irċieva ballun f’pożizzjoni tajba kważi mal-linja tal-kaxxa l-kbira iżda minn qagħda ideali ra x-xutt fil-baxx tiegħu jgħaddi barra.

Fit-tieni taqsima l-Kroazja żiedet l-isforzi tagħha u l-ewwel tentattiv kien ta’ Ivan Rakitic li għadda ferm għoli. Erba’ minuti wara, xutt perikoluż ta’ Perisic kien blokkat mid-difiża Ingliża.

Il-gowl kien qed jersaq ftit ftit u wasal fid-69 minuta meta Sime Vrsjalko krossja mil-lemin fil-kaxxa, b’IVAN PERISIC jidħol tajjeb u antiċipa lil Kyle Walker biex għeleb lil Pickford b’xutt mill-ewwel bil-qiegħ taż-żarbun. Erba’ minuti wara, xutt ta’ Marcelo Brozovic għadda għoli.

L-Ingilterra naqset mir-ritmu tagħha u ħolqu biss il-periklu b’xutt djagonali ta’ Jesse Lingard li għadda ftit barra. Fuq in-naħa l-oħra, Pickford kien attent biex salva xutt minn pożizzjoni diffiċli ta’ Mandzukic.

Il-partita baqgħet bl-iskor ta’ 1-1 sal-ħin regolamentari biex kompliet fil-ħin barrani. Il-Kroazja kellha aktar pussess, bl-Ingilterra tkun kostretta tiddefendi aktar. Minkejja dan, kienu t-tim ta’ Southgate li resaq viċin fid-99 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ John Stones li kienet maqlugħa minn fuq il-linja minn Vrsjalko.

Il-gowl deċiżiv kien skorjat fil-109 minuta. Ivan Perisic għola tajjeb biex b’daqqa ta’ ras ‘l quddiem, il-ballun spiċċa fid-direzzjoni ta’ MARIO MANDZUKIC li kien ħafif aktar mid-difensuri Ingliż u b’xutt ta’ attakkant opportunist għeleb lil Pickford b’xutt fil-baxx.

Fl-aħħar minuti, l-Ingilterra pruvat titfa’ kollox fuq l-attakk iżda d-difiża Kroata kienet attenta biex mat-tisfira finali ħarġu l-plejers Kroati minn fuq il-bank jifirħu ma’ sħabhom.