Il-Ħamis filgħodu, diversi nies inġabru fuq il-bajja tal-Ġnejna biex jaraw żewġt ifkieren tal-ilma baħar jiġu meħlusin lura fil-baħar.
Dan wara li ġew salvati wara li kienu nnutat li kellhom bżonn il-kura minn Nature Trust fix-xhur li għaddew u ttieħdu fil-Forti San Luċjan għar-rijabilitazzjoni.
Il-fkieren, bl-isem ta’ Popeye u Catherine nstabu waħda viċin Popeye Village fil-Mellieħa f’Marzu ta’ din is-sena, filwaqt li l-oħra nstabet viċin l-Armier f’Novembru tas-sena l-oħra.
Hekk kif il-fkieren missew mal-ilma u bdew jgħumu, dawk preżenti bdew iċapċpu.
Preżenti kien hemm l-ambaxxatur ta’ Franza u l-Kummissarju Għoli tal-Ingilterra li telqu l-fkieren. Il-Kummissarju Għoli Ingliż qal li filwaqt li dan kien mument sabiħ, huwa wkoll simbolu ikrah hekk kif juri n-numru kbir ta’ plastik li jiġi mormi fil-baħar. Żied jgħid li jekk ma jinbidel xejn, sal-2050 se jkun hemm iktar plastik milli ħut fil-baħar.
Intant, fix-xahar li għadda kienet ġiet innutata fekruna tal-ilma baħar li marret tbejjed fuq l-istess bajja, u b’riżultat t’hekk hemm bżonn iktar voluntiera fi ħdan Nature Trust. Diversi voluntiera qegħdin iqattgħu lejl u nhar jieħdu ħsieb l-bajd biex jaraw li ma jiġrilhomx ħsara filwaqt li jkunu jafu meta jfaqqsu, li hu mistenni għal nofs Awwissu.
Ritratti: Matthew Tabone
//= $special ?>