Futbol

FUTBOL TALJAN: Se joħorġu fuq strajk dwar it-trasferiment ta’ Ronaldo ma’ Juventus

Cristiano Ronaldo

Il-ħaddiema ma’ fabbrika tal-Fiat Chrysler fl-Italja qed iħejju biex joħorġu bi strajk wara li l-investitur ewlieni f’din il-fabbrika deċieda li jħallas 112 il-miljun ewro għat-trasferiment tal-attakkant Portugiż, Cristiano Ronaldo, li ssieħeb ma’ Juventus minn ma’ Real Madrid.

Il-klabb ta’ Juventus u l-Fiat Chrysler, li tipproduċi l-karozzi, huma kontrollati t-tnejn mill-familja Agnelli, permezz tal-kumpannija tal-investimenti Exor. Kelliema għall-USB union ( tal-ħaddiema) sadanittant ilmentaw li l-akkwist ta’ Ronaldo ‘ifisser li l-Fiat qed ikollu jżomm lura minn investimenti xierqa għat-tkattir tax-xogħol’.

Il-union sostniet li l-Fiat Chrysler teħtieġ tiggarantixxi l-futur ta’ eluf ta’ nies ‘aktar milli tħaxxen il-but ta’ plejer li diġà hu multi-miljunarju’. Ingħad ukoll li ‘mhux aċċettabbli li filwaqt li l-ħaddiema ta’ Fiat Chrysler qed jagħmlu s-sagrifiċċji ekonomiċi kbar, il-kumpannija ta’ Agnelli nefqet il-miljuni tal-ewro fuq ix-xiri ta’ plejer wieħed’.

Il-Juventus, nhar it-Tlieta, ikkonfermaw li Ronaldo, il-captain tat-tim nazzjonali tal-Portugall, kien se jingħaqad magħhom minn ma’ Real Madrid fuq kuntratt ta’ erba’ snin.

Issa, il-USB union sejħet għal azzjoni industrijali fil-fabbrika tal-Fiat Chrysler f’Melfi, lejn in-nofsinar tal-Italja. Din il-fabbrika tipproduċi l-karozzi bħall-Fiat Punto u l-500X, bil-ħaddiema tagħha se jibdew l-azzjoni tard fil-lejl tal-Ħadd u jkomplu għaddejjin biha sat-Tlieta.