Quddiem il-Qorti, kompla jinstema’ l-każ ta’ ħasil ta’ flus kontra l-aħwa Degiorgio, George magħruf bħala iċ-Ċiniż u Alfred magħruf il-Fulu, flimkien mal-eks sieħba ta’ George, Anca Adelina Pop.
Mill-evidenza li tressqet il-Qorti jidher li t-tliet akkużati kienu jgħixu ħajja lussuża b’karozzi u dgħajjes – meta dan jikkuntrasta sew mal-fatt li huma ma kienux irreġistrati li qed jaħdmu. Fis-seduta taw ix-xhieda tagħhom numru ta’ dealers tal-karozzi dwar il-karozzi lussużi li għandhom l-aħwa, fejn fost l-oħrajn instab li għandhom Mitsubishi Elegance, BMW, Mercedes, Audi Q3 u Corvette.
L-investigazzjoni fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia wassal għall-inkjesta dwar it-tranżazzjonijiet bankarji tal-aħwa Degiorgio.
Wieħed mix-xhieda fil-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-Qorti stqarr li ilu żmien twil u ma jiftakarx jekk saritx xi forma ta’ depożitu fil-ħlas meta ġiet impurtata l-karozza Mitsubishi Elegance mill-Ingilterra, u lanqas ġie determinat il-prezz tal-karozza. Waqt is-smiegħ, ġie stmat ukoll li l-karozza Audi Q3 tiswa qrib it-€30,000, u l-Corvette C7 tiswa mal-€94,000.
Il-Maġistrat Joseph Mifsud li kien qed jipresjedi l-kumpilazzjoni tal-evidenza sema’ t-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Anca Adelina Pop – minħabba l-fatt li hi hi omm ta’ erbat itfal u għandha l-kondotta nadifa. F’dan ir-rigward, il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Antonovitch Muscat, qalet li ma kellha l-ebda oġġezzjoni għat-talba tal-ħelsien mill-arrest – fejn issa l-każ se jkompli jinstema’ nhar il-Ġimgħa fejn hu mistenni li jingħata digriet mill-Maġistrat.
Għal akkużata Anca Adelina Pop deher l-avukat difensur David Gatt, filwaqt li għall-aħwa Degiorgio deher l-avukat difensur William Cuschieri.
//= $special ?>