Internazzjonali

Il-Pulizija Ingliża tkellem għall-ewwel darba lir-raġel avvellenat bin-Novichok

Il-Pulizija fir-Renju Unit, l-Erbgħa ħabbret li kienet kellmet għall-ewwel darba lil Charlie Rowley, ir-raġel li spiċċa avvalenat bin-Novichok, kimika velenuża ħafna prodotta fir-Russja.
Dan wara li ġie lura f’sensih. Mara li kienet miegħu, Dawn Strugess ta’ 44 sena u li wkoll spiċċat avvelenata, mietet nhar il-Ħadd. Mhux magħruf kif Rowley, li għandu 45 sena u Strugess, li kellha 44 sena, spiċċaw avvelanti. It-tnejn spiċċaw avvelanti b’mod mhux magħruf imma qrib Salisbury fejn f’Marzu l-eks spjun Russu Sergei Skripal u bintu Yulia kienet spiċċaw avvelenati bl-istess sustanza.
Sturgess, omm ta’ tlett itfal, mietet il-Ħadd u dan qed ikun meqjus bħala qtil. L-uffiċjali tal-isptar fejn qed jiġi kkurat Rowley qalu li hu ma kienx għadu f’kundizzjoni kritika.
L-investigaturi huma tal-opinjoni li Rowley u Sturgess ġew avvlenati bi żball.
Ir-Renju Unit akkuża lir-Russja bl-attakk fuq il-koppja Skripal u dan wassal għall-akbar tkeċċija ta’ diplomatiċi Russi mill-Punent minn żmien il-Gwerra l-Bierda. Ir-Russja rreaġixxiet billi keċċiet diplomatiċi mill-Punent u ċaħdet l-akkużi li saru.
Il-koppja Skripal issa ħarġet mill-isptar wara ġimgħat ta’ kura u li matulhom kien hemm ġranet fejn kien maħsub li kienu se jmutu.
Il-koppja Skrtipal sefgħu avvelanti f’Salisbury filwaqt li Rowley u Sturgess instabu f’dar f’Amesbury, madwar 11-il kilometru bogħod.