Lokali

L-Indian Empress se jerġa’ jmur għall-irkant minkejja offerta ta’ €43.5 miljuni

Kien diġà rkantat għal €43.5 miljuni... imma x-xerrej ma ddepożitax il-flus

Is-superyacht Indian Empress se jkollu jerġa’ jmur għall-bejgħ bis-subbasta wara li x-xerrej ma ddepożitax il-flus fil-Qorti.

Is-superyacht kien irkantat ġimagħtejn ilu fil-Qrati Maltin bl-ogħla offerta tkun dik ta’ €43.5 miljuni, offerta magħmula mill-miljunarju Iranjan Hossein Asadollahi, sid il-kumpanija Crediyacht Ltd.

Iżda hekk kif għadda ż-żmien stipulat biex il-kumpanija Crediyacht tiddepożita l-flus fil-Qorti, jidher li għaldaqstant il-yacht se jkollu jerġa’ jmur għall-irkant.

Skont Ann Fenech, Managing Partner tad-ditta legali Fenech & Fenech, il-kumpanija Crediyacht kienet issottomettiet rikors biex titlob permess lill-Qorti estensjoni taż-żmien mogħti biex tiddepożita l-flus fil-Qorti. Madanakollu, din it-talba ġiet miċħuda mill-Imħallef Mark Chetcuti, u b’hekk għalaq iż-żmien oriġinali stipulat skont il-liġi.

Meta jsir l-irkant li jmiss, il-kumpanija Crediyacht ikollha tħallas id-differenza fil-prezz jekk il-yacht jinbiegħ inqas minn kemm inbiegħ fl-aħħar bejgħ bis-subbasta, jiġifieri €43.5 miljuni.

Meta ġimagħtejn ilu sar l-ewwel irkant, l-offerti għal dan il-yacht bdew minn €25 miljuni, sakemm ġiet offruta l-ogħla offerta ta’ €43.5 miljuni. L-Indian Empress kien propjetà tal-miljunarju Vijay Mallya – imprenditur li fost oħrajn kien involut fit-tim tal-Formula 1 tal-Indja.

L-Indian Empress ilu maqbud Malta għal xhur twal wara mandat t’arrest li kien inħareġ fuq talba tal-kumpanija Melita Power Diesel bħala kreditur tal-yacht. Sussegwentament, tfaċċaw kredituri oħra li saħqu li s-superyacht kien midjun magħhom – fosthom il-membri tal-ekwipaġġ tal-yacht stess li qed jgħidu li ma tħallsux il-pagi.

B’crew ta’ 40 ruħ, is-superyacht kien abbandunat f’Settembru 2017 wara li s-sid oriġinali, Vijay Mallya, kien arrestat f’Londra wara mandat t’arrest maħruġ fuq talba tal-Gvern Indjan minħabba djun kbar li Mallya kellu pendenti fl-Indja stess, djun li jeċċedu l-biljun ewro.

Peress li minn dakinhar is-superyacht baqa’ abbandunat, anke l-membri tal-ekwipaġġ fetħu kawża kontra sid il-yacht biex jitħallsu l-pagi dovuti lilhom – pagi li jaqbżu it-€800,000.