Lokali

“Ma nistax naħfer lili nnifsi” – is-sewwieq li tajjar 8 persuni f’San Ġiljan

Kawża tal-inċident kien tilef ħajtu żgħażugħ Olandiż

Dalgħodu tressaq il-Qorti Michael Caruana Turner ta’ 20 sena li nhar il-Ġimgħa tajjar tmien persuni meta tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu hu u jsuq fi Triq Ġorġ Borg Olivier, San Ġiljan.

F’awla mimlija emozzjonijiet, iż-żagħżugħ qal li ma setax jaħfer lilu nnifsu għal dak li ġara.

Caruana Turner ingħata l-liberta’ proviżorja fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €10,000.

Fil-Qorti, il-Maġistrat Joe Mifsud kien iebes ferm fi kliemu. Hu tah projbizzjoni fuq is-sewqan, filwaqt illi uża kliem iebes meta irrefera għas-sitwazzjoni f’Paceville. “Ma jistax ikun li jkollna żgħażagħ ta’ din l-eta’ jixorbu u jibqgħu barra sal-4am”, stqarr Joe Mifsud.

L-avukat difensur Joe Giglio qal li l-klijent tiegħu għandu rimors kbir għal dak li għamel. U spjega li Caruana Turner ħass li seta’ isuq għaliex ried imur għand in-nanna tiegħu – rotta li tieħu biss 4 minuti.

Iż-żagħżugħ esprima dispjaċir kbir għal dak li wettaq, u qal li jobgħod lilu nnifsu għal li għamel, u speċjalment li l-Olandiż miet tort tiegħu.