Unjoni Ewropea

Owen Bonnici jibqa’ ma jsewwix il-ħsara li għamel Jason Micallef

Jibqa' jiddefendi l-aġir irresponsabbli tac-Chairman ta' V18

Il-Ministru Owen Bonnici baqa’ ma sewwiex il-ħsara li għamel iċ-Chairperson tal-V18 Jason Micallef tul l-aħħar xhur u li wassal għal bojkott minn naħa tal-belt kulturali Olandiża li din is-sena qed iġġorr dan it-titlu flimkien mal-Belt Valletta.

Il-Ministru Bonnici mar Leeuwarden biex jipprova jerġa’ jqarreb iż-żewġt ibliet kulturali Ewropej wara li l-Belt Olandiża iddisntanzjat ruħha mill Belt Maltija. Dan għamilthu wara li Jason Micallef kien għadda kummenti li jirredikolaw il-kliem li kitbet fl-aħħar blog tagħha qabel inqatlet il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia u meta ordna repetutament it-tneħħija tal-mafkar temporanju f’ġieħ l-istess ġurnalista.

F’April li għadda, uffiċjali tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura Leeuwarden fil-provinċja ta’ Friesland fl-Olanda, iddeċiedew li ma jibgħatux aktar rappreżentanti lejn pajjiżna sakemm it-tmexxija tal-V18 ma titbiegħedx mit-ton offensiv, partikolarment fil-konfront tal-Ġurnalista Daphne Caruana Galizia u qraba tagħha.

Il-laqgħa tal-lum, li saret fuq talba ta’ Owen Bonnic nnifsu, fi sforż biex jerġgħu jitjiebu r-relazzjonijet bejn iż-żewg pajjiżi, kienet ikkaratterizzata minn pressjoni kontinwa u persistenti mill-uffiċjali biex Bonnici ibieħed ruhu, bħala ministru tal-gvern Malti, mill-aġir ta’ Micallef.
Mistooqsi għal darba, tnejn, tlieta, Bonnici baqa’ jevita li jagħmel dan billi jgħid li hu jemmen fil-liberta’ tal-espressjoni u li qatt ma jasal li jiċċensura lil ħadd milli jesprimi ruhu kif jixtieq.

Minflok hu faħħar ix-xogħol ta’ Micallef li ddeskribih bħala ‘brillanti’.

F’kumment minnhom Bonnici ġie mistoqsi kif inhu possibli li hu ma kienx ġibed lil Micallef f’ġenb biex iwissih dwar l-attitudni tieghu, mhux biex jiċċensurah imma biss b’sens ta’ deċenza.

Bonnici ġie ppressat ukoll dwar il-ħafna każi ta’ libelli miftuħa minn membri tal-gvern kontra l-ġurnalista assassinata u dwar is-sens ta’ biża li nħoloq wara dan l-inċident.

Mistoqsija minn xi ġurnatlisti x’kienet tkun ir-reazzjoni tagħha f’ċirkustanzi simili, uffiċjal tal-belt ta’ Leeuwarden qalet li hi tgħożż ferm il-valur tal-liberta’ tal-espressjoni, iżda li qatt ma kienet tasal taċċetta jew tiskuża aġir bħal dak ta’ Jason Micallef. Hi kompliet tinsisti li kieku seħħ xi ħaġa simili f’pajjiża, kien ikun hemm l-inkiwet. Temmet tgħid: “Għandna DNA differenti”.

Waqt il-laqa’ saru diversi talbiet lill ministru biex meta jirritorna Malta, jitlob lill-Fondazzjoni biex toħroġ stqarrija biex tiċċara l-fatt li hi tikkundanna l-qtil ta’ Caruana Galizia, Bonnici qal li ħadd f’Malta ma jrid qtil, iżda kulħadd hu liberu li jgħid li jrid.

Fl-aħħar tal-laqgħa, wara l-istqarrijiet repetuti ta’ Bonnici li hu jemmmen bis-sħiħ fil-liberta’ tal-espressjoni, hu kien sfidat biex propju juża l-liberta tal-espressjoni tieghħu u jgħid x’jaħseb dwar Jason Micallef, iżda hu qal li kien ġa rrisponda dwar dan.