Id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil dalgħodu rebaħ Każwa Kostituzzjonali fejn il-Qorti issa iddikjarat li ċ-ċaħda ta’ rikuża mill-Imħallef Antonio Mizzi tikser id-drittijiet fundamentali ta’ Busuttil, bil-Qorti tordna ukoll it-tħassir ta’ kull ordni li ta l-Imħallef Mizzi.
Il-Qorti Kostituzzjonali kkonkludiet li f’dan il-każ kien hemm kunflitt ta’ interess ċar.
Fil-prattika, dan ifisser li issa l-appelli li saru fuq il-kawża tal-Panama Papers li fetaħ Simon Busuttil għandhom jinstemgħu quddiem Imħallef ieħor. L-appelli qed isiru fost l-oħrajn mill-Prim Ministru u miċ-Chief of Staff tiegħu sabiex, kif kollox jindika, jipprovaw jimblukkaw u jtawwlu ż-żmien ta’ din il-kawża.
Kien f’Marzu li għadda, quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, meta d-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil kien stqarr li l-Imħallef Antonio Mizzi li quddiemu ġie il-każ tal-Panama Papers, jista’ jkollu xi forma ta’ interess finanzjarju u għalhekk għandu jirrekuża ruħu.
Simon Busuttil kien tenna li l-fatt li l-Imħallef Antonio Mizzi hu r-raġel tal-Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi, din biss għandha tkun bażi biżejjed li hemm diffikulta’ biex l-Imħallef ikun jista’ jiddeċiedi dwar il-każ. Anke kieku stess martu ma titkellimx dwar il-każ li qiegħed fil-Qorti, il-fatt li huma miżżewġin tagħmilha diffiċli biżejjed.
Fil-kawża Kostituzzjonali quddiem l-Imħallef Joseph Zammit McKeon, id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil kien qal li dan l-interess finanzjarju jista’ jkun minħabba l-fatt li l-onorarja ta’ Marlene Mizzi mhux waħda insinjifikanti, iżda li tista’ tilħaq il-€100,000 fis-sena, u l-fatt li fiż-żwieġ tagħhom hemm komunita’ tal-assi jfisser li d-dħul u l-assi tagħhom jingħaqdu bejniethom fiż-żwieġ.
Għal Simon Busuttil deher l-avukat Jason Azzopardi.
//= $special ?>