Barranin minn issa ’l quddiem huma projbiti milli jassumu xogħol għal Membri Parlamentari Awstraljani. Dan bħala parti minn riforma apparentament immirata biex jimblukkaw spjunaġġ Ċiniżi fl-affarijiet interni Awstraljani.
Il-mira ewlenija hi lejn dawk magħrufa bħala interns, studenti li jmorru jaħdmu ma’ membru parlamentari għal perjodu ta’ tlett xhur u s’issa kien miftuħ għal studenti ta’ kull nazzjonalità. Dan sakemm ma jkollhomx passat kriminali.
Issa kelliem għas-Senat qal li minn issa ’l quddiem dawn il-postijiet se jkunu riservati biss għal ċittadini Awstraljani mingħajr ma ngħataw dettalji għaliex ittieħed pass simili
Is-sena li għaddiet il-Prim Ministru Malcolm Turnbull akkuża ċ-Ċina li kienet qed tindaħal fl-affarijiet intern Awstraljani u r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi kienu effettwati.
F’Settembru kien inkixef li ċittadin ta’ New Zealand, li kien ħadem ta’ intern, kellu rabtiet mal-militar Ċiniż u dan wassal għal reviżjoni tas-sistema ta’ interns.
Ix-xahar li għadda, il-Parlament Awstraljan għadda liġi bl-iskop li tevita ndħil minn gvernijiet barranin. Xi ħaġa li Turnbull qal kienet meħtieġa biex jitrażżan l-indħil Ċiniż.
Projbiti li studenti barranin jaħdmu ma’ Membri Parlamentari Awstraljani


