Lokali

Adelina Pop tingħata l-ħelsien mill-arrest

Is-sieħba ta’ wieħed mill-akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u li jinsabu għaddejin kumpilazzjoni b’rabta ma ħasil ta’ flus, ingħatat il-libertà proviżorja.

Anca Adelina Popo ingħatat l-ħelsien għal depożitu ta’ €15,000 u garanzija personali ta’ €25,000 kif ukoll struzzjoni biex tkun id-dar bejn l-għaxra ta’ filgħaxija u s-sebgħa ta’ filgħodu. Hi trid tiffirma wkoll fl-għassa ta’ kuljum.

Fl-aħħar ġranet fil-qorti sar magħruf x’tip ta’ ħajja lussuża kienu jgħixu l-aħwa George u Alfred Degiorgio kif ukoll Adelina Pop minkejja li dawn ilhom ma jaħdmu s-snin.

Kienet l-investigazzjoni fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li wasslet biex sar skrutinju tal-kontijiet bankarji u l-flejjes li l-akkużati kellhom u li eventwalment saret investigazzjoni oħra dwar attivitajiet li jwasslu għall-ħasil tal-flus.

Fost oħrajn fil-qorti instema’ kif l-akkużati kellhom numru ta’ vetturi li jiswew il-mijiet tal-eluf ta’ ewro. Kien hemm tranżazzjonijiet ta’ eluf ta’ ewro li saru kemm f’Malta u anke l’ barra mill-pajjiż u anke minkejja li Pop iddikjarat li m’għandhiex impjieg kien hemm dħul li jindika li dan mhux minnu.