Waqt li eluf ta’ studenti llum irċevew ir-riżultati tal-Matsec u waqt li l-Bord tal-Matsec spjega dawn ir-riżultati biċ-ċifri, il-Partit Nazzjonalista qal li jifraħ lill-istudenti li kisbu suċċess fl-eżamijiet u jagħmel kuraġġ lil dawk li se joqogħdu għall-eżamijiet fis-sessjoni ta’ Settembru. Fl-istess waqt jirringrazzja lill-Bord tal-Matsec għall-ħidma tiegħu fl-organizzazzjoni ta’ dawn l-eżamijiet.
Il-Partit Nazzjonalista qal li jinnota li minn 4,255 tifla u tifel imweldin fl-2000[1], u li allura din is-sena laħqu l-età taċ-ċertificat tal-Matsec, 972 kisbu dan iċ-ċertifikat fis-sessjoni ta’ Mejju, jiġifieri 23 %. Dan hu tnaqqis fuq l-istess numru u persentaġġ tas-sena l-oħra f’dan l-istadju, meta f’Mejju tas-sena l-oħra kienu kisbu ċ-ċertifikat tal-Matsec 1,123 studenta u student, jiġifieri 26 % tal-4,308t itfal li twieldu fl-1999.
Il-Partit Nazzjonalista żied jinnota wkoll li kien hemm tnaqqis żgħir fuq is-sena l-oħra fl-ammont u l-persentaġġ ta’ studenti ta’ 16-il sena li ġabu l-kwalifiki tas-SEC meħtieġa biex ikomplu s-Sixth Form. Għalkemm it-tnaqqis kien żgħir, wieħed kien jistenna titjib, mhux tnaqqis, speċjalment meta f’pajjiżna huma madwar nofs biss l-istudenti ta’ 16 li jiksbu biżżejjed eżamijiet tas-SEC ħalli jkomplu s-Sixth Form.
Il-Partit Nazzjonalista żied jinnota wkoll id-differenza kbira li hemm fis-suċċess fl-eżamijiet tas-SEC u tal-Matsec bejn it-tfajliet u l-ġuvintur. Jinnota wkoll il-waqgħa kbira li qiegħda sseħħ fit-teħid tal-lingwi fil-livell tas-SEC.Il-Partit Nazzjonalista jinnota dan kollu biex iħeġġeġ lill-Gvern u lill-awtoritajiet edukattivi jagħmlu aktar biex ferm iżjed studenti tal-età ta’ 18 jiksbu ċ-ċertifikat tal-Matsec u dan b’ħidma akbar sa mis-sessjoni ta’ xahrejn oħra. L-istess kif iħeġġeġ lill-awtoritajiet jaħdmu ħalli aktar studenti ta’ 16 ikunu jistgħu ikomplu s-Sixth Form u jitgħallmu l-lingwi tant meħtieġa f’pajjiż miftuħ fuq l-Ewropa u d-dinja.
Hu u jerġa’ jifraħ u jagħmel kuraġġ lill-istudenti kollha, il-Partit Nazzjonalista rringrazzja lill-għalliema u lill-ġenituri li jagħmlu tant sagrifiċċji għal snin twal biex iwasslu lill-istudenti u lil uliedhom ħalli joqogħdu għal dawn l-eżamijiet kruċjali fil-mixja edukattiva tagħhom u tal-pajjiż.
Għax is-suċċess ta’ pajjiżna jrid ikun mibni fuq xogħol tajjeb li jagħti sodisfazzjon u jħallas pagi tajbin lill-ħaddiema tagħna. F’dinja fejn id-dħul jiddependi dejjem aktar fuq ir-riżorsa umana, fuq l-għarfien u fuq il-ħiliet, l-edukazzjoni u t-taħriġ huma l-bażi tas-suċċess individwali u kollettiv tagħna.Fuq kollox, l-edukazzjoni hi ċavetta wkoll għat-tgawdija ta’ dak li l-bniedem ipproduċa u sab fil-passat u dak li għad irid jipproduċi u jsib; dak li jagħmel il-ħajja sabiħa aħna u ngħixuha, temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>MATSEC: Riżultati fil-Malti agħar mir-riżultati fil-Matematika u l-Ingliż