“Hugo nqatel minn eks impjegat urtat li kien tkeċċa talli kien xurban fuq il-post tax-xogħol”. Iddikjara dan Joe Giglio, l-Avukat ta’ Hugo Chetcuti, f’kummenti li kiteb fuq Facebook b’reazzjoni għal xi allegazzjonijiet li saru. L-Avukat Giglio huwa l-avukat parte civile li qed jidher għall-familja ta’ Hugo Chetcuti.
Bojan Cmelik ta’ 35 sena mis-Serbja qed jiġi akkużat bl-attentat ta’ qtil tal-imprenditur Hugo Chetcuti, liema akkuża mistennija tinbidel għal waħda ta’ omiċidju volontarju.
Il-kummenti ta’ l-Avukat Giglio dwar l-allegat qattiel li bħalissa jinsab arrestat saru b’risposta għal wieħed mill-kummenti li nkitbu f’post imtella’ mill-ġurnalista Caroline Muscat, fejn mingħajr ma rreferiet għal Hugo Chetcuti b’ismu, qalet li baruni tad-droga m’għandhomx iservu għal ħafna qima min-nies (‘a drug lord is no ‘icon”).
B’risposta għal persuna li kitbet dwar kif il-metodu tal-qtil jixbah ħafna stil tal-mafja, l-Avukat Giglio qal li l-fatti kif magħrufa sa issa jindikaw li Cmelik huwa eks-impjegat urtat ta’ Hugo Chetcuti.
Dwar allegazzjonijiet li saru b’rabta mas-sitwazzjoni finanzjarja tal-istabbilimenti li kien imexxi Hugo Chetcuti, l-Avukat Giglio qal li min jagħmel dawn l-allegazzjonijiet, ma jafx l-imprenditur x’rabtiet kellu mal-banek f’forma ta’ loans leġittimi.
//= $special ?>