Lokali Saħħa

Il-Ministru Fearne jirrispondi għar-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar Monte Carmeli

Ma jiċħad l-ebda kiritika; jitfa t-tort fuq amministrazzjonijiet preċedenti

Waqt konferenza stampa fl-isptar Monte Carmeli dalgħodu, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne wieġeb għar-rapport li ħareġ l-Awditur Ġenerali fl-aħħar jiem dwar l-istess sptar. Il-Ministru Fearne ma ċaħad xejn mir-rapport tal-awditur.

Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali elenka 6 problemi ewlenin f’dan l-isptar. Fost oħrajn semma l-problemi strutturali, problemi ta’ sigurtà, nuqqas ta’ riżorsi umani, nuqqas ta’ pjan strateġiku, il-problema ta’ pazjenti li mhux posthom fi sptar mentali u n-nuqqas ta’ kura fil-komunita’.

Ir-rapport kien kkonkluda li l‑kundizzjoni mhix aċċettabbli li jinsab fiha preżentament l‑Isptar Monte Karmeli hija r‑riżultat tan‑nuqqas ta’ impenn mill‑Gvern ċentrali, fuq medda twila ta’ snin, lejn il‑qasam tas‑saħħa mentali.

Dan l‑istudju wera li l-Isptar Monte Karmeli, u konsegwentament is‑saħħa mentali f’Malta, għadhom jiġu kkunsidrati bħala ta’ prijorità sekondarja.

Fearne qal li l-gvern se jaħdem bi pjan fuq firxa ta’ 10 snin bejn l-2020 u l-2030 u li se jkun mibni fuq tlett pilastri – il-kura fil-komunita’, sptar psikjatriku ġdid f’Mater Dei u rimodernizzar tal-isptar Monte Karmeli. Ix-xogħol fuq Monte Karmeli għandu jitlesta sal-aħħar tal-2022 u se jkun mifrux fuq is-swali kollha tal-isptar. Ir-ristrutturar se jinkludi ir-rilokar ta’ pazjenti li bħalissa huma residenti f’dan l-isptar u li m’għandhomx bżonn servizzi psikjatriċi. Il-ministru qal li waqt dan il-proċess ser isir ukoll tibdil fil-prattiċi tax-xogħol tal-management u l-ħaddiema tal-isptar.