Lokali

L-akkuża mistennija tinbidel għal waħda ta’ omiċidju nhar l-Erbgħa li ġej

L-akkuża ta' 'omiċidju volontarju' ġġorr magħha sentenza ta' għomor ħabs. L-Avukat parte civile Joe Giglio jgħid lil NET News li jittama li l-Prosekuzzjoni tibdel l-akkuża għal 'omiċidju volontarju' u mhux xi akkuża inqas serja

L-akkuża ta’ attentat ta’ qtil mistennija tinbidel għal waħda ta’ omiċidju nhar l-Erbgħa li ġej, skont l-Avukat Joe Giglio, li qed jidher bħala Parte Civile għall-imprenditur Hugo Chetcuti fil-każ kriminali li hemm għaddej kontra Bojan Cmelik ta’ 35 sena mis-Serbja.

Dan hekk kif nhar l-Erbgħa li ġej tibda l-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront ta’ Cmelik, li s-Sibt li għadda tressaq il-Qorti b’urġenza akkużat b’attentat ta’ qtil fil-konfront tal-imprenditur Hugo Chetcuti.

Iżda hekk kif ilbieraħ filgħaxija Chetcuti tilef il-ġlieda mal-mewt, il-Prosekuzzjoni mistennija tagħmel talba lill-Qorti biex tinbidel l-akkuża ta’ ‘attentat ta’ qtil.’

Għall-preżentata, Cmelik kien tressaq quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri, fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Imma minn nhar l-Erbgħa li ġej, il-każ se jmur quddiem il-Maġistrat Marsanne Farrugia li quddiemha se tibda l-kumpilazzjoni tal-evidenza.

Il-Maġistrat Marsanne Farrugia

Sentenza dwar omiċidju ġġorr magħha għomor ħabs. Madanakollu hemm akkużi oħra li jġorru pieni inqas ħorox – bħal pereżempju akkuża ta’ mewt li tirriżulta minn offiża gravi fuq il-persuna; liema akkuża ġġorr magħha mhux aktar minn għoxrin sena ħabs.

Fil-kummenti tiegħu ma’ NETnews.com.mt, l-Avukat Joe Giglio qal li jippretendi li l-Prosekuzzjoni tibdel l-akkuża għal waħda ta’ omiċidju volontarju u mhux għal xi akkuża oħra inqas serja.

“Bħala Parte Civile, nippretendi li l-Prosekuzzjoni tibdel l-akkuża minn waħda ta’ attentat ta’ qtil għal waħda ta’ omiċidju volontarju,” qal Giglio waqt li żied li jinsab konvint li se jsir hekk.

Giglio żied jispjega li l-mewt kienet konsegwenza diretta tad-daqqiet tas-sikkina li ngħataw u għaldaqstant “hemm ness (rabta) diretta bejn il-mewt u d-daqqiet ta’ sikkina.”

Meta nhar l-Erbgħa li ġej l-akkużat jidher quddiem il-Maġistrat Marsanne Farrugia, is-seduta mistennija tibda b’talba mill-Prosekuzzjoni biex tinbidel l-akkuża. Giglio fisser li hu ‘ovvju’ li t-talba tintlaqa’ ġaladarba lbieraħ filgħaxija tilef ħajtu l-imprenditur Hugo Chetcuti.

Apparti l-akkuża ta’ attentat ta’ qtil, li mistennija tinbidel, Cmelik qed jiġi akkużat ukoll li attakka jew ħebb għall-forzi tal-ordni, li m’obdiex l-ordnijiet mogħtija lilu u li kellu arma li taqta’ u bil-ponta.