Sitt pazjenti li bħalissa qed jieħdu kura fl-isptar Monte Karmeli, il-bieraħ idaħħlu l-isptar Mater Dei b’effetti ta’ użu ta’ drogi sintetiċi.
Dan ikkonfermah ma netnews.com.mt il-Ministru Chris Fearne waqt konferenza li kien qed jagħti fl-istess sptar dalgħodu b’risposta lir-rapport tal-Awditur Ġenerali. Sa dak il-ħin, Net News kien irċieva informazzjoni li kienu erbgħa il-pazjenti involuti, iżda iktar tard waslulna rapporti li n-numru ta’ pazjenti li ddaħħlu Mater Dei b’dawn l-effetti kienu fil-fatt sitta b’erbgħa minnhom minn sala waħda biss.
Skond il-ministru, il-pazjenti ma kienux residenti fl-isptar. Hu qal li l-pulizija qed tinvestiga il-każ.
Imma ma netnews.com.mt persuni qrib u li jiffrekwentaw l-isptar Monte Karmeli qalulna li l-problema tad-droga sintetika fl-isptar qed tikber. Tant li mhux darba u tnejn li l-istaff ta’ dan l-isptar ikollhom jaffaċjaw din is-sitwazzjoni.
Fl-aħħar każ li kien rappurtat, dak li saqsejna lill-Ministru Fearne dwaru, netnews.com.mt jinsab infurmat li tlieta mill-pazjenti li ddaħlu l-isptar kellhom jinżammu l-Isptar Mater Dei għal aktar kura.
//= $special ?>