Futbol

Shaqiri viċin ħafna ta’ Liverpool

L-attakkant tal-Iżvizzera, Xherdan Shaqiri, mistenni jkun ikkonfermat dalwaqt bħala plejer ta’ Liverpool wara li r-Reds qablu biex iħallsu l-ekwivalenti ta’ ħmistax il-miljun ewro lil Stoke City għat-trasferiment tiegħu.

Shaqiri, li għandu 26 sena u li niżżel ismu mal-iskorers waqt il-logħob tat-Tazza tad-Dinja fir-Russja, tard illum kellu jgħaddi minn eżami medika f’Merseyside. Dan fost indikazzjonijiet li hu se jsir it-tielet plejer ġdid ta’ Liverpool, dan is-sajf, wara Naby Keita (eks Red Bull Leipzig) u Fabinho (eks-Monaco).

Shakiri kien għad fadallu sentejn mill-kuntratt tiegħu ma’ Stoke, iżda hu mal-ewwel għamel ċari l-intenzjonijiet tiegħu li jissieħeb ma’ klabb ġdid wara li l-Potters, fl-istaġun li għadda, tilfu posthom fil-Premiership Ingliż.