Lokali Saħħa

VALSARTAN: Chris Fearne jibqa’ ma jgħidx meta se tirrisolva ruħha s-sitwazzjoni

Ma jgħidx jekk il-pazjenti hux se jiġi kkumpensati tal-flus li qed jonfqu

Il-Ministru Chris Fearne baqa ma tax indikazzjoni ta’ meta se tasal il-konsenja ġdida ta’ Valsartan – il-mediċina li tintuża biex tikkontrolla problemi tal-pressjoni u tal-qalb, u li jeħduha mas-27,000 persuna f’pajjiżna.

Mistoqsi biex jikkommetti ruħu dwar meta se tasal din il-konsenja, il-ministru baqa’ jaħrab mill-mistoqsija u qal biss li l-parir huwa li l-pazjenti imorru għand it-tobba tagħhom u jimxu fuq dak li jingħadilhom.

Is-sitwazzjoni preżenti qed toħloq inkonvenjent kbir għall-persuni li jieħdu din il-mediċina, fosthom ħafna anzjani, li qed ikollhom jirrikorru għand it-tobba tagħhom u jixtru pilloli alternattivi li jiswew mal-€31 kull kaxxa. Meta staqsejna lill-ministru jekk il-gvern hux beħsiebu jirrifondi l-ispejjeż ta’ dawn il-mediċini lil dawn il-pazjenti, hu naqas milli jirrispondi.

Mistoqsi dwar dawk il-pazjenti li ma jistgħux jieħdu il-pilloli alternattivi li qed jingħataw mill-gvern għaliex mhux addattata għal kundizzjoni tagħhom, il-ministru qal li f’dawk il-każi il-parir hu li dawn il-pazjenti jibqħu jieħdu l-Valsartan.

L-awtoritajiet Maltin kienu ħarġu twissija ġimgħa ilu dwar il-konsenji tal-Valsartan li hawn f’pajjiżna bħalissa, wara li l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċina talbet li jinġabru lura xi kunsinni tal-Valsartan li instab li fihom ingredjent li jista jikkawża l-kanċer.