Lokali

David Casa b’talba biex il-EBA tinvestiga lil Nexia BT

Wara li din il-ġimgħa, l-Awtorità Bankarja Ewropea kkonfermat li l-FIAU ta’ Malta kisret il-liġi ta’ kontra l-ħasil tal-flus, l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista David Casa talab lill-istess Awtorità biex tespandi l-investigazzjoni tagħha fit-trattament ta’ Nexia BT.

Fl-ittra tiegħu, l-MEP Casa qal li Nexia BT kienet fiċ-ċentru ta’ diversi każi ta’ ħasil ta’ flus u korruzzjoni, li jinvolvu lill-Bank Pilatus u uffiċjali għolja tal-Gvern Malti.

Casa għamel referenza wkoll għall-aħħar rapport tal-FIAU li jgħid li għandha tittieħed azzjoni mill-Pulizija kontra l-Ministru Konrad Mizzi. “L-aħħar rapport tal-FIAU li jgħid li għandha tittieħed azzjoni mill-Pulizija kontra l-Ministru Konrad Mizzi ġie ppreżentat lill-ġudikatura, wara li l-awtoritajiet Maltin naqsu milli jieħdu azzjoni.

F’kummenti dwar dan, Casa qal li l-pjani ta’ azzjoni ma jiswew xejn sakemm Nexia BT tkompli taħdem mingħajr konsegwenzi. Żied il-ħtif tal-awtoritajiet regolatorji jiġi kkonfermat mill-fatt li Nexia BT għadha bil-liċenzja biex taħdem.”

Ir-rapport jinkludi d-dettalji tal-proċess biex jinfetħu strutturi għall-ħasil tal-flus, u attentati biex jinfetħu kontijiet tal-bank li kellhom jirċievu flus li ma setgħux jiġu spjegati b’mod leġittimu. Ir-rapport juri wkoll kif l-FIAU ġiet ingatta minn Karl Cini ta’ Nexia BT, li hu wkoll l-uffiċjal ta’ kontra l-ħasil tal-flus. Juri wkoll kif ġew iffabrikati dokumenti biex ikunu simili għal dikjarazzjonijiet pubbliċi li saru mill-politiċi, u kif informazzjoni importanti nżammet sigrieta mill-investigaturi tal-FIAU. Kien l-FIAU nnifsu li wasal għal dawn il-konklużjonijiet, li jkompli jqajjem dubji dwar il-fatt li ma ħadet ebda azzjoni.”

David Casa provda lill-Awtorità Bankarja Ewropea kopja tar-rapport tal-FIAU.