Kunsilli Lokali Lokali

Il-PN jibda bit-tħejjija tal-kandidati tiegħu għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali

Il-PN jibda' bit-tħejjija tal-kandidati tiegħu għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali

‘Qed nitolbukom tkunu l-kunsillieri li tagħmlu differenza fil-lokalità tagħkom’ hekk qal is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli waqt l-ewwel seminar organizzat għall-kandidati prospettivi fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, li se isiru is-sena d-dieħla.

Clyde Puli qal ukoll li bħalissa għaddej proċess sabiex aktar nies jiġu avviċinati biex iservu għall-ewwel darba f’xi waħda mis-68 lokalità. Huwa ħeġġeġ lill-persuni b’sens ċiviku qawwi biex jersqu ‘l quddiem u joffru servizz politiku għal pajjiżhom u għall-lokalità li jgħixu fiha.

Dan is-seminar sar bil-għan li l-kandidati prospettivi jingħatalhom taħriġ u formazzjoni politika biex ikunu jistgħu jservu bl-aqwa mod il-lokalitajiet tagħhom. Il-Partit Nazzjonalista bħalissa għaddej b’ritmu mgħaġġel bil-preparamenti meħtieġa li għandhom iwasslu għall-elezzjoni tal-Kunsilli.

Clyde Puli qal li l-Kunsilli Lokali din is-sena jagħlqu 25 sena mit-twaqqif tagħhom u l-Partit Nazzjonalista li wellidhom għadu kif ippreżenta 80 proposta biex in-nies ikollhom Kunsilli Lokali aħjar. Huwa qal li l-partit determinat li ma jħalliex lill-Gvern ikompli jnaqqar il-poteri tal-Kunsilli Lokali u għalhekk se jibqa’ jkun il-vuċi tan-nies.

Is-seminar kien indirizzat ukoll mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali Robert Cutajar, il-Kordinatur għall-Kunsilli Lokali Charles Bonello, u mid-Direttur tal-ELCOM Angelito Sciberras, fost oħrajn.