Ewropa Għawdex Lokali Unjoni Ewropea

L-aċċessibbiltà, it-teknoloġija, u l-fondi tal-UE: l-isfidi speċifiċi tal-Għawdxin jeħtieġu azzjonijiet speċifiċi

Dwar Għawdex jeħtieġ li jittieħdu deċiżjonijiet urġenti sabiex jiġi assigurat li l-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw il-familji u l-intraprendituri Għawdxin – jiġifieri l-aċċessibilità, l-aċċess għat-teknoloġija u l-fondi tal-UE – jiġu indirizzati permezz ta’ azzjonijiet speċifiċi. Għawdex għandu ħafna potenzjal, u issa huwa ż-żmien biex ir-rapporti u l-istudji jinbidlu f’azzjoni.

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola qalet dan waqt li kienet qed tindirizza l-konferenza “Nagħmlu l-Ewropa Tiegħek” f’Għawdex, organizzata mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta. Fid-diskors tagħha, Metsola indirizzat l-isfidi speċifiċi li qed jiffaċċjaw l-Għawdxin, primarjament l-aċċessibilità.

“Il-Gozo Channel mhux biss jeħtieġ modernizzar urġenti u titjib tal-vapuri attwali, iżda hemm bżonn vapur jew tnejn oħra li jnaqqsu l-kjuwijiet u l-ħinijiet ta’ stennija biex wieħed jivjaġġa minn gżira għall-oħra. Servizz urġenti ieħor li kellu jibda snin ilu huwa l-fast ferry. Dan iwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Għawdxin,” qalet l-MET Metsola. Bħala soluzzjonijiet ulterjuri għall-isfida tal-aċċessibilità, Roberta Metsola semmiet is-servizz tal-ħelikopters u l-link permanenti.

L-MEP Metsola semmiet l-aċċess għat-teknoloġija bħala waħda mill-isfidi ewlenin li jiffaċċjaw in-negozji Għawdxin. Hija qalet li dan jirrikjedi investiment urġenti, u dan għaliex industriji ġodda jiddependu biss fuq il-kreattività u l-innovazzjoni, u jeħtieġu teknoloġija adegwata. F’dan il-punt, Metsola enfasizzat ukoll li l-Għawdxin li jivvjaġġaw kuljum biex jaħdmu f’Malta m’għandhomx jonfqu l-paga tagħhom fuq it-tariffi tat-trasport, peress li dawn l-individwi jkunu diġà qed jiffaċċjaw l-isfida ta’ kuljum tal-ivjaġġar.

Fl-aħħarnett, fuq il-fondi tal-UE, l-MEP Metsola qalet li huwa evidenti li Għawdex għandu jibbenefika mill-ammont massimu ta’ fondi, xi ħaġa li l-Gvern Malti għandu jindirizza llum qabel għada, waqt li għaddejjin in-negozjati dwar il-bugdet li jmiss tal-UE. Hi enfasizzat li dawn il-fondi huma kruċjali għal aktar investiment fil-gżira, li, imbagħad, iwassal għal tkabbir ekonomiku.