Wara li keċċew lil Antonio Conte, il-klabb tal-Premier League Chelsea ħabbar b’mod uffiċjali li ħatar lil Maurizio Sarri bħala l-kowċ il-ġdid tal-klabb b’kuntratt ta’ tliet snin.
Il-President ta’ Napoli Aurelio De Laurentis żvela l-Erbgħa li Sarri kien qrib li jingħaqad mal-klabb minn Londra, jumejn qabel ma tħabbar uffiċjalment li Antonio Conte tkeċċa mill-klabb. L-assistent ta’ Sarri mistenni jkun l-eks plejer tal-istess klabb Gianfranco Zola.
“Kuntent ħafna li ninsab ma’ Chelsea u fil-Premier League. Hu perjodu eċċitanti fil-karriera tiegħi. Ninsab ħerqan li nibda naħdem u niltaqa’ mal-plejers it-Tnejn qabel il-vjaġġ lejn l-Awstralja fejn nibda nsir naf l-iskwadra u nibdew nilagħbu.” It-Taljan kompla li jittama li jistgħu joffru futbol attraenti lill-partitarji u li jikkompetu għar-rebħ tal-unuri.
Sarri kien sostitwit minn Carlo Ancelotti ma’ Napoli x-xahar l-ieħor, iżda baqa’ mal-klabb minħabba li kien għad irid jintlaħaq ftehim bejn iż-żewġ partijiet. Fost l-ewwel plejers fil-mira ta’ Sarri, hemm il-midfielder ta’ Napoli Jorginho b’rapporti fil-media internazzjonali qed jgħidu li Chelsea saħansitra laħqu ftehim fuq somma ta’ madwar €65 miljun.
//= $special ?>