L-Arċisqof Charles Scicluna appella lill-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija biex ikunu nies ta’ sinsla, mingħajr ma jħarsu lejn iċ-ċittadini b’nuċċali politiku.
Waqt il-quddiesa għall-membri tal-Korp tal-Pulizija fl-okkażjoni tal-204 snin mit-twaqqif tiegħu, l-Arċisqof stqarr mal-Pulizija preżenti biex dejjem jiftakru li huma mhumiex qed jirrapreżentaw xi partit politiku, iżda lir-Repubblika ta’ Malta u l-prinċipju tad-demokrazija, anke jekk ma jaqblux mal-Gvern tal-ġurnata.
Fl-omelija tiegħu, żied li quddiem l-arroganza tal-kriminali, ix-xogħol tal-Pulizija jibqa’ dak li jiddefendi d-drittijiet taċ-ċittadini u li jagħtihom sens ta’ sigurezza. Kien hawnhekk fejn l-Arċisqof Charles Scicluna għamel referenza għat-talba fil-motto tal-Pulizija “Mulej Mexxina Inti”. L-Arċisqof tkellem ukoll dwar il-prinċipju fundamentali fil-Korp hekk kif il-ġerarkija tordna li wieħed jobdi l-ordni leġittima tas-superjuri – iżda jekk din l-ordni tmur kontra d-drittijiet u d-dinjità tal-persuna, l-uffiċjal għandu d-dover li ma jobdix l-awtorità tas-superjori tiegħu.
L-attività fl-okkażjoni tat-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija, bdiet kmieni fil-Belt Valletta hekk kif sar marċ tul Triq ir-Repubblika sakemm laħqet il-qofol quddiem il-Kon Katidral f’Misraħ San Ġwann. Tul it-triq, il-Banda tal-Korp daqqet numru ta’ marċi – fejn saret ukoll il-parata mill-Gwardja tal-Unur.
Mal-wasla tal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca sar is-salut, u ndaqq l-Innu Malti. Wara saret l-ispezzjoni tal-gwardja tal-Unur mill-President. Preżenti għall-quddies kien numru ta’ persuni f’karigi għoljin, fosthom il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia, il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, il-Maġistrat Joseph Mifsud, u f’isem il-Partit Nazzjonalista, attenda l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Sigurtà Nazzjonali u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità Beppe Fenech Adami.
Ritratti: Matthew Tabone
//= $special ?>