Lokali

Titjira tal-Air Malta lejn Venezja tittardja b’iktar minn 6 sigħat

Ħsara teknika fl-ajurplan u żball fl-għadd tal-bagalji jwassal għal dewmien twil

Titjira tal-Air Malta li suppost kellha titlaq fit-3 ta’ wara nofsinhar minn Malta lejn Venezja, issa se titlaq fid-9.05 ta’ dal-lejl.

Passiġġier li tkellem ma’ Net News qal kif it-tluq tat-titjira KM 638 tmexxiet mit-3pm għas-7 ta’ filgħaxija, bi ftit wara terġa’ tiġi mmexxija għat-8 ta’ filgħaxija, u issa b’siegħa oħra.

Mhux magħruf x’wassal għal dan id-dewmien kollu.

Iktar kmieni, passiġġiera li suppost kellhom ikunu abbord it-titjira tal-Air Malta lejn Ruma spiċċaw għamlu sagħtejn bilqegħda fuq l-ajruplan jistennew, sakemm irċivew ordni biex jerġgħu jinżlu fuq l-art.

It-titjira kellha titlaq minn Malta fis-7.35 ta’ filgħodu, u wara sagħtejn maqbuda fuqu, jidher li l-passiġġiera kellhom jinżlu minħabba ħsara teknika fl-ajurplan. Aktar tard sar magħruf li t-titjira ttardjat għat-2.45 ta’ waranofsinhar. Iżda anke hawn inqala ntopp ieħor, hekk kif il-passiġġiera reġgħu bdew jittellgħu abbord l-ajruplan għall-ħabta tas-2.30 ta’ waranofsinhar ma kienx hemm qbil bejn l-ammont ta’ bagalji u passiġġiera abbord – u għalhekk kulħadd kellu jerġa’ jinżel minfuq l-ajruplan sabiex jiġu identifikati l-bagalji mal-passiġġiera rispettivi.

Aktar tard, din l-aħbar ġiet konfermata mill-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta stess fuq il-media soċjali.

B’kollox it-titjira ttardjat b’madwar disa’ sigħat.