Ġlieda bejn ħamest irġiel wasslet biex tlieta mill-irġiel involuti weġġgħu, b’wieħed minnhom saħansitra jweġġa’ gravi.
Il-ġlieda bdiet meta raġel Libjan ta’ 36 sena u raġel ieħor li l-identità tiegħu għadha mhijiex magħrufa, għamlu għal tliet irġiel oħra ta’ nazzjonalità Żvediża.
Il-każ seħħ fi Triq Ġorġ Borg Olivier f’Tas-Sliema tard il-Ġimgħa filgħaxija. Skont il-Pulizija, l-Iżvediżi kollha għandhom 32 sena.
Minħabba l-argument, fuq il-post kellhom jissejħu mhux biss Pulizija – fosthom Pulizija mit-taqsima tar-Rapid Intervention Unit, iżda anke ambulanza li ħadet lil wieħed mill-Iżvediżi għall-kura fl-Isptar Mater Dei. Kien hemmhekk fejn ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.
Sadanittant, minkejja li l-ġlieda seħħet f’Tas-Sliema, ir-raġel ta’ nazzjonalità Libjana ġie arrestat fis-Swieqi mill-Pulizija tal-RIU.
Fi stqarrija maħruġa dwar dan il-każ, il-Pulizija qalet li għadha qed tinvestiga dan il-każ.
//= $special ?>