Il-President tal-Eritrea, Isaias Afwerki, jinsab għaddej bl-ewwel żjara tiegħu fl-Etjopja mindu ż-żewġ pajjiżi kienu daħlu fi gwerra mal-fruntiera, fl-1998.
Iż-żjara ta’ tlett ijiem hi intiża biex tikkonsolida r-rabtiet bilaterali, jiem wara li l-ġirien ikkonkludew ‘l-istat ta’ gwerra’ li eżistiet għal snin bejniethom.
Mal-wasla tiegħu fl-Etjopja, Afwerki kien milqugħ mill-Prim Ministru Etjopjan, Abiy Ahmed. Dan waqt li eluf ta’ nies imlew it-toroq tal-kapitali, Addis Ababa, biex jimmarkaw l-avveniment storiku li hu l-aħħar f’sensiela ta’ inizjattivi lejn rikonċiljazzjoni bejn dawn il-pajjiżi Afrikani.
Proprju l-ġimgħa l-oħra, Abiy kien mar f’Asmara, il-kapitali tal-Eritrea, fejn, flimkien ma’ Afwerki, iffirma patt formali li jikkonkludi l-istat ta’ gwerra. Il-ftehim bilaterali anki witta t-triq għal rabtiet diplomatiċi u kummerċjali wara 20 sena ta’ ostilità reċiproka.
Mindu ħa l-poter fl-Etjopja, f’April li għadda, Abiy Ahmed ħabbar sensiela ta’ riformi waqt li tkellem b’mod konsistenti dwar l-impenn tiegħu ‘għal futur ġdid mal-Eritrea’.
//= $special ?>

