Lokali

Antiċipat li Malta se titlef mat-€300 miljun minn fondi tal-UE

Il-falliment tal-Prim Ministru Muscat se jkun qed jispikka fid-dawl tal-fatt li pajjiżi oħrajn Ewropej se jkollhom il-pakkett finanzjarju tagħhom imsaħħaħ

Previżjonijiet mill-aktar ta’ min joqgħod fuqhom qed jantiċipaw li tort tal-inkompetenza tal-Gvern tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Malta se tieħu mat-€300 miljun anqas f’fondi għaliha għall-perjodu bejn l-2021 u l-2027.

Żvelat dan il-gazzetta il-mument. L-aħħar pakkett finanzjarju nnegozjat mill-eks-Prim Ministru Lawrence Gonzi fl-2013 għall-perjodu 2014-2020 kien ta’ €1,000 miljun.

Issa l-previżjonijiet juru li grazzi għall-inkompetenza fin-negozjati tal-Gvern Malti, pajjiżna jista’ jispiċċa jieħu mas-€700 miljun biss… jiġifieri mat-€300 miljun inqas. Fid-dawl ta’ dawn l-antiċipazzjonijiet li jindikaw li Malta tista’ tieħu mat-30% anqas fi flus għall-proġetti tagħha.

Ta’ min jgħid li fl-ewwel pakkett finanzjarju negozjat għal Malta, fi żmien l-eks-Prim Ministru Eddie Fenech Adami, Malta kienet ibbenefikat xejn inqas minn €855 miljun għall-perjodu bejn 2007 u l-2014.

Dik iċ-ċifra l-eks-Prim Ministru Nazzjonlista Lawrence Gonzi kien żieda għal €1,000 miljun għall-perjodu 2014 -2020.

Jekk dan iseħħ, dan ikun ifisser li l-poplu joħroġ tellief għaliex se jkun qed jikseb għal pajjiżna l-agħar pakkett finanzjarju possibbli fid-dawl taż-żewġ pakketti finanzjarji diġà miksuba għal pajjiżna minn Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi rispettivament.

Dan il-falliment tal-Prim Ministru Joseph Muscat se jkun qed jispikka ferm u ferm aktar fid-dawl tal-fatt li pajjiżi oħrajn Ewropej se jkollhom il-pakkett finanzjarju tagħhom imsaħħaħ fuq dak li kisbu preċedentement.

Pajjiżi bħall-Greċja, il-Portugall u r-Rumanija qed jissemmew li se jkollhom il-pakkett tagħhom imsaħħaħ u fl-istess kuriduri ta’ Brussell, isem Malta f’dan ir-rigward qed jissemma’ bħala isem tellief.

Diġà s-Segretarju Parlamentari għall-Affarijiet Ewropej, Aaron Farrugia, ta fil-jiem li għaddew indikazzjoni ċara tal-falliment tal-Gvern ta’ Muscat fis-sens li l-Gvern mhux se jirnexxielu jinnegozja pakkett finanzjarju tajjeb għal pajjiżna.

Dwar dan kollu il-mument ħa l-kummenti ta’ David Agius, il-Viċi Kap Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Parlament, li qal li f’dan il-mument diffiċli għall-Gvern Malti, Joseph Muscat ma għandux jibbrilla fis-suppervja, iżda jdur fuq min għandu l-kuntatti u l-esperjenza, fosthom il-Partit Nazzjonalista, biex il-Gvern ikun megħjun iġib l-aħjar u l-aqwa pakkett finanzjarju possibbli għal pajjiżna.