L-Assoċjazzjoni tal-Football Arġentina (AFA) laħqet ftehim bażiku finanzjarju mar-rappreżentanti ta’ Jorge Sampaoli biex l-eks kowċ ta’ Sevilla jħalli l-kariga ta’ kowċ nazzjonali.
Sampaoli kien fil-mira ta’ diversi kritiċi, il-media u l-poplu Arġentin wara l-esperjenza kaotika tal-Arġentina fit-Tazza tad-Dinja, hekk kif l-Arġentina rebħet logħba minn erbgħa, b’Sampoli jibdel il-formazzjoni u l-plejers kull logħba, b’ħafna jgħidu li tilef il-kontroll tal-iskwadra.
Sampaoli li għandu 58 sena mexxa liċ-Ċili għas-suċċess fil-Copa America u kellu esperjenza pożittiva f’La Liga ma’ Sevilla, qabel ma ħa t-tmexxija ta’ pajjiżu fejn sabha diffiċli biex imexxi t-tim għall-kwalifikazzjoni, u wisq aktar fit-Tazza tad-Dinja.
Il-kowċ Arġentin kien qed iħares li tal-anqas iżomm il-kariga sal-Copa America tas-sena d-dieħla, iżda persuni importanti fl-AFA għamluha ċara li din ma kinitx għażla, minkejja li kien hemm idea li seta’ jkun hu l-persuna li jerġa’ jibni t-tim.
L-Assoċjazzjoni Arġentina diġà għandha diffikultajiet finanzjarja, b’Sampaoli jidher li aċċetta madwar €1.5 miljun f’kumpens tal-kuntratt li kien jiskadi fl-2022, ħafna anqas minn madwar €9 miljun kieku baqa’ sa tmiem il-kuntratt.
L-Arġentina issa għandha biċċa xogħol biex issib is-sostitut ideali li jaħdem ma’ assoċjazzjoni li għandha l-problemi. Probabbli l-kandidat ideali hu l-kowċ ta’ River Plate Marcelo Gallardo, filwaqt li l-kowċ nazzjonali tal-Kolombja Jose Pekerman qed jissemma li jista’ jieħu f’idejh l-organizzazzjoni fis-settur taż-żgħażagħ.
//= $special ?>