Sport Sport Ieħor

Marc Marquez jerġa’ jirbaħ fil-Ġermanja

Marc Marquez jiċċelebra fuq il-podju (Ritratt: EPA)

Marc Marquez kiseb id-disa’ rebħa konsekuttiva fil-Grand Prix tal-Ġermanja biex kabbar il-vantaġġ fil-klassifika tas-sewwieqa. L-Ispanjol issa rebaħ l-aħħar sitt snin fl-ogħla kategorija u tliet darbiet fil-klassijiet iż-żgħar, fiċ-ċirkwit ta’ Sachsenring.

Is-seba’ darbiet champion tad-dinja Valentino Rossi spiċċa fit-tieni post qabel sieħbu tal-Yamaha Maverick Vinales. Marquez li għandu 25 sena, kabbar il-vantaġġ fil-klassifika b’46 punt fuq Rossi, b’disa’ tiġrijia minn 19 f’dan l-istaġun.

Marquez beda t-tiġrija fl-ewwel filliera ħdejn iż-żewġ sewwieqa ta’ Ducati Danilo Petrucci u Jorge Lorenzo. L-Ispanjol kien qabel Petrucci, iżda għaddew biss erba’ dawriet li Marquez beda jirkupra hekk kif għadda lis-sewwieq Taljan.

Imbagħad resaq eqreb Lorenzo u għamel seba’ dawriet warajh qabel qabżu. Kif qabeż lil Lorenzo fl-aħħar kantuniera tad-dawra, Marquez baqa’ fuq quddiem sat-tmiem. Rossi kellu bżonn tliet dawriet biex jaqbeż lil Lorenzo. It-Taljan kważi naqqas id-distakk minn ma’ Marquez bl-aktar dawra veloċi, iżda s-sewwieq tal-Honda wieġeb b’dawra aktar veloċi u baqa’ jżid il-vantaġġ biex rebaħ b’vantaġġ ta’ 2.1 sekondi.

Kif Spiċċaw

1. Marc Marquez             41:05.019

2. Valentino Rossi          +2.196

3. Maverick Vinales       +2.776

4. Danilo Petrucci           +3.376

5. Alvaro Bautista           +5.183

6. Jorge Lorenzo             +5.780

7. Andrea Dovizioso       +7.941

8. Dani Pedrosa              +12.711

9. Johann Zarco              +14.428

10. Bradley Smith           +21.474

Tags