Lokali

Muscat iwiegħed lill-Italja li se jieħu iktar immigranti f’Malta

Ritratt: Arkivji
Minn bastiment b'450 immigrant li baħħar lejn Lampedusa

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li se jaċċetta iktar immigranti, u din id-darba immigranti ġejjin minn bastiment tas-sajd b’450 immigrant abbord li fil-jiem li għaddew baħħar lejn Lampedusa.

Il-bastiment kien fiċ-ċentru ta’ kontroversja ġdida bejn Malta u l-Italja wara li l-Ministru tal-Intern Matteo Salvini qal li dan il-bastiment kellu jidħol Malta u li l-Italja ma kinitx se taċċettah.

Iżda hekk kif jirriżulta li l-bastiment baqa’ sejjer lejn Lampedusa, jiġifieri territorju Taljan, il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat wiegħed li se jipparteċipa f’inizjattiva kkordinata mill-Italja biex dawn l-immigranti jiġu rilokati f’pajjiżi differenti.

L-aħbar li Muscat se jaċċetta iktar immigranti ngħatat fi stqarrija li fiha ntqal li Muscat kellu telefonata mal-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte.

Il-każ kollu kien beda l-Ministru tal-Intern Taljan Matteo Salvini qal fuq twitter, permezz ta’ ‘post’ il-Ġimgħa filgħaxija, li l-vapur b’450 immigrant abbord kien responsabbilta ta’ Malta. Salvini qal li suppost Malta kellha tieħu ħsieb dan il-vapur.

Dwar dan il-każ kien irriżulta li ċ-Ċentru ta’ Kordinazzjoni ta’ Salvataġġ f’Malta kien irċieva messaġġ miċ-Ċentru ta’ Ruma dwar il-preżenza ta’ bastiment tas-sajf b’450 immigrant abbord hekk kif dan kien qed ibaħħar miż-Żona ta’ Tiftix u Salvataġġ tal-Libja lejn iż-Żona ta’ Tiftix u Salvataġġ ta’ Malta.

Meta waslet din l-informazzjoni, il-bastiment kien ħafna iktar viċin Lampedusa milli Malta, tant li meta ċ-Ċentru ta’ Kordinazzjoni f’Malta għamel kuntatt mal-bastiment, l-ekwipaġġ informa lill-awtoritajiet Maltin li kien se jkompli jbaħħar lejn Lampedusa.

Sa issa għadu mhux magħruf hu n-numru ta’ immigranti li Muscat ikkommetta ruħu li jieħu minn dan il-bastiment.