Lokali

FILMAT: Mistura – Vidjo mużikali tal-grupp bi stil progressive rock

Il-grupp lokali Mistura għadu kif nieda l-ewwel vidjo mużikali, li huwa tal-kanzunetta ġdida “Tuna Isimkom” mill-album il-ġdid li mistenni joħroġ aktar tard din is-sena. Bl-istil progressive rock, Mistura huwa wieħed minn ftit gruppi lokali li jdoqqu din it-tip ta’ mużika bl-ilsien Malti, xi ħaġa li l-vidjo stess jenfasizza.

“Peress li ħafna mill-kummenti li nirċievu jkunu dwar il-kliem tal-kanzunetti ħsibna li noħolqu ‘lyric video’ b’enfażi fuq il-lirika tal-kanzunetta, li wara kollox jgħin sabiex jitwassal aħjar il-messaġġ soċjali tal-kanzunetta u tal-album il-ġdid”.

Mistura ddebuttaw fl-2012 fil-festival tal-Għanja tal-Poplu fejn ħadu l-premju WAFA għall-aqwa talent ġdid. Minn dak iż-żmien ’l hawn huma daqqew f’diversi postijiet, fosthom Rock the South, Teatru Unplugged, il-Farsons Great Beer Festival, l-Evenings on Campus, Notte Bianca u Kotra. S’issa Mistura ħarġu studio album fl-2014 bl-isem “U d-Dinja Tkompli Ddur” u album live ta’ kunċert fl-2016 bl-isem “U l-Kotra Għajtet f’Daqqa”.

Sadattant Mistura jixtiequ jagħmlu punt importanti dwar il-vidjo mużikali l-ġdid, li bħala tema jkompli jibni fuq il-kliem tal-kanzunetta li wieħed jista’ jiddeskriviha bħala bla kantunieri.

“Jekk wieħed ser jistenna li fil-vidjo ser joqgħod jarana niżfnu ma’ xi tfajliet bil-bikini u nippużaw bil-kitarra u bix-xoffa ‘l fuq ser ikun deluż.”

Aktar dettalji dwar l-album u t-tnedija tiegħu jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin fuq www.misturamalta.com.