Kultura Lokali Mużika

“Il-Ħanina Maddalena” – musical dwar wieħed mis-sigrieti tal-Belt Valletta

Minn nhar l-Erbgħa, se jingħata bidu għal musical li jirrakkonta l-istorja tas-sorijiet tal-Ordni ta’ Marija Maddalena tal-Belt Valletta – “Il-Ħanina Maddalena” – bħala parti mill-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Malta International Arts Festival.

F’konferenza tal-aħbarijiet fi Pjazza Teatru Rjal, ġie spjegat kif il-musical hu ispirat minn fatti veri ta’ sigrieti moħbija fil-Belt Valletta. Ibbażat fis-seklu tmintax, dan il-musical isegwi l-istorjal ta’ tliet verginelle li jingħaqdu mal-monasteru ta’ Santa Marija Maddalena.

Illum, il-kappella ċkejkna fi Triq Merkanti hija waħda mill-ftit tifkiriet ta’ din l-ordni – li minnha ġie ispirat l-istorja wara Ħanina Maddalena.

F’dan il-musical se jieħdu sehem aktar minn ħamsin artist u bosta personalitajiet magħrufa, fosthom Chiara, Amber, Leontine u Dorothy Bezzina. Dan il-musical se jintwera għall-ewwel darba fit-18 ta’ Lulju, fi Pjazza Teatru Rjal – fejn aktar wirjiet se isegwu mill-20 sat-22, u mill-25 sad-29 ta’ Lulju.

Il-“Ħanina Maddalena” hu miktub minn Simon Bartolo u Loranne Vella, b’mużika ta’ Dominic Galea u koreografija ta’ Dorian Mallia u Diane Portelli, taħt id-direzzjoni ta’ Justine Ciappara.

Il-“Ħanina Madalena” huwa parti mill-Malta International Arts Festival, huwa kkummissjonat minn Valletta 2018 u Festivals Malta – bl-appoġġ ta’ PBS Malta, il-Malta Film Commission u l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.