Biex il-Bank Ċentrali Ewropew jirrevoka l-liċenzja tal-Bank Pilatus, irid jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq l-investigazzjoni li saret f’Malta mill-awtoritajiet li jaħdmu kontra l-ħasil ta’ flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.
Żvelat dan il-gazzetta Illum wara li kellmet lil David Schafer, kelliem tal-Bank Ċentrali Ewropew.
Dan ifisser li l-investigazzjoni tal-bank saret mill-FIAU li kienet tat ċertifikat pożittiv lill-Bank Pilatus tant li kkonkludiet li ma kien hemm xejn inkriminanti fil-ħidma tiegħu.
B’din il-konklużjoni il-ġurnal Illum jgħid li dan kollu jista’ jfisser illi minkejja li l-MFSA talbet għar-revoka tal-liċenzja ta’ dan il-bank, il-Bank Ċentrali Ewropew jekk jimxi fuq ir-rapport tal-FIAU, jista jiddeċiedi li filfatt ma jirrevokax il-liċenzja tal-bank Pilatus.
Il-Kelliem tal-Bank Ċentrali Ewropew, David Schafer, qal li minkejja li t-talba saret mill-MFSA, ma jfissirx li l-Bank Ċentrali Ewropew qabad u neħħa l-liċenzja tal-Bank Pilatus, iżda bħalissa qed jipproċessa din it-talba.
Il-Kelliem qal lil Illum li il-Bank Ċentrali Ewropew ma għandu l-ebda setgħa jinvestiga istituzzjonijiet partikolari li dwarhom ikun hemm allegazzjonijiet dwar ħasil ta’ flus jew inkella għall-finanzjament tat-terroriżmu. Il-Bank Ċentrali Ewropew kull ma jista’ jagħmel huwa li jasal għall-konklużjonijiet mill-fatti ppreżentati mill-awtoritajiet investigattivi, f’dan il-każ l-FIAU.
//= $special ?>