Futbol Sport

Irridu nikkonċentraw fuq dak li nagħmlu aħna – Gilbert Agius

(Ritratt: Matthew Tabone)

Valletta se jkunu qed jittamaw li jikkwalifikaw għat-tieni rawnd tal-UEFA Champions League meta jaffrontaw lil FK Kukesi tal-Albanija fit-tieni leg. Ġimgħa ilu l-Beltin spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls u għalhekk għandhom ċans li jikkwalifikaw.

F’konferenza stampa lejliet il-konfront, l-assistent kowċ Gilbert Agius qal li Kukesi jibdew bħala favoriti minħabba li għandhom żewġ riżultati favurihom filwaqt li huma jridu bilfors.

Agius għamel referenza wkoll għall-prestazzjoni tal-ewwel leg. “Ma kontx sorpriż bl-atteġjament tal-avversarji u r-risposta tajniha fil-pitch. Personalment kont kuntent bil-prestazzjoni iżda mhux bir-riżultat għaliex nemmen li stajna skorjajna.”

Gilbert Agius kompla li bħala tim pruvaw jippreparaw kif jistgħu iżda aċċenna għal fatt li sabuha diffiċli biex jilagħbu xi partiti ta’ ħbiberija għajr logħba kontra Gżira. “Il-plejers jafu bl-okkażjoni li għandna biex nagħmlu isem lill-pajjiżna u l-klabb tagħna, iżda rridu nilagħbu aktar mill-100% biex ikollna ċans,” qal l-assistent kowċ ta’ Valletta fin-nuqqas tal-kowċ Danilo Doncic li jinsab ma jiflaħx.

Gilbert Agius saħaq li huma jridu jikkonċentraw fuq dak li jagħmlu huma u kompla li bħala tim jafu aktar lill-avversarji u indika li jista’ jkun hemm xi sorpriża fil-formazzjoni inizjali.

Il-captain ta’ Valletta Ryan Camilleri qal li jinsabu preparati għall-avversarji u semma l-fatt li kien ta’ benefiċċju għat-tim li ma tantx bidel plejers għaliex ma jkunx hemm problemi biex il-plejers jidraw lil xulxin. Camilleri kompla li Kukesi mhux se jgħaddu faċilment u jinsabu preparati għalihom biex ituhom logħba tajba.

Intant, il-kowċ il-ġdid ta’ Kukesi Armando Cungu qal li huma jinsabu f’Malta biex jikkwalifikaw u jemmen li huma għandhom biżżejjed kwalità biex jgħaddu għaliex jemmen li l-kampjonat Albaniż għandu livell aħjar minn dak Malti.

Wara l-logħba kontra Valletta, Kukesi bidlu l-kowċ u għalhekk se jkun id-debutt ta’ Cungu. L-Albaniż qal li hu jaf 90% tal-plejers u minkejja li din il-logħba tfisser kwalifikazzjoni, Cungu qal li ma għandux pressjoni. Hu tenna li kienu sorpriżi bil-prestazzjoni ta’ Valletta iżda issa li lagħbu kontrihom għamlu xi analiżi tal-logħba u se jkunu aktar preparati.