Il-President tal-Eritreja, Isaias Afwerki, nhar it-Tnejn fetaħ Ambaxxata f’Addis Ababa, il-kapitali tal-Etjopa u sa ftit ġranet ilu l-akbar għadu ta’ pajjiżu.
Il-ftuħ tal-Ambaxxata kienet il-qofol ta’ żjara storika fil-kapitali tal-Etjopja bl-iskop li jitpoġġa s-siġill finali fuq ftehim ta’ paċi bejn iż-żewġ pajjiżi
Din l-Ambaxxata kienet ilha magħluqa minn mindu fl-1998 iż-żewġ pajjiżi kienu keċċew l-Ambaxxaturi ta’ xulxin hekk kif faqqgħet gwerra bejniethom u li baqgħet tkaxkar sal-2000 u ħalliet 80,000 persuna mejta. Qabel dan, l-Eritreja kienet provinċja tal-Etjopja u kienet mexxiet ġlieda mdemmija għall-indipendenza.
Ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi baqgħu ffriżati wara li l-Etjopja qatt ma għarfet ftehim li kienet fasslet in-Nazzjonijiet Uniti fl-2002. Dan sakemm f’April kien elett Abiy Ahmed bħala l-Prim Ministru ġdid tal-Etjopja li fil-pront fetaħ il-bieb għall-paċi. Dan apparti li ħeles il-priġunieri politiċi u lliberelizza parti mill-ekonomija.
It-titjib tar-relazzjonijiet bejn dawn iż-żewġ pajjiżi issa tpoġġi l-lenti fuq Afwerki li mexxa l-pajjiż b’ponn tal-ħadid bl-iskuża ewlenija tkun it-theddida mill-Etjopja.
L-Eritreja tiftaħ Ambaxxata f’Addis Ababa


