Ir-raġel li kien akkużat bil-qtil ta’ Simon Grech fis-sena 2005, inħeles mill-akkużi li seraq żewġ vannijiet mimlija bi prodotti mediċinali fis-sena 2009. U dan minħabba li l-qorti ddikjarat li kien hemm nuqqas ta’ evidenza fil-konfront tiegħu.
Ismael Habesh ta’ 47 mil-Libja, kien akkużat li seraq żewġ vannijiet, kellu għandu oġġetti misruqa u kkawża ħsara b’mod volontarju.
Dan il-każ ilu għaddej quddiem il-qorti għal dawn l-aħħar disa’ snin.
Habesh li llum jgħix il-Mosta kien inkixef b’din is-serqa minn terza persuna li kienet ġiet arrestata waqt li ppruvat tbiegħ l-prodotti mediċinali li kienu nsterqu. Kien Raymond Abela li kien qal li Ismael Habesh tah il-prodotti misruqa.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ħadet f’idejha dan il-każ lura f’Jannar li għadda u minkejja li l-każ kien infetaħ fis-sena 2010, ma kien sar l-ebda progress minn Sttembru tal-2014 sal-lum hekk kif kien hemm biss 12-il xhieda li telgħu jixhdu fi tmien snin.
Minkejja li f’dawn l-aħħar xhur saret it-talba biex jittella bħala xhieda Raymond Abela, il-pulizija kellha tinforma lill-qorti li dan baqa’ qatt ma nstab, u qalet li m’għandha l-ebda ħjiel jekk Abela għadux f’Malta jew le.
Riżultat ta’ dan il-qorti qalet li hemm nuqqas assolut ta’ evidenza u għalhekk lliberat lil-Libjan mill-akkużi miġjuba kontrieh.
Għal Ismael Habesh dehru l-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia.
//= $special ?>